Bond mhux garantit ta’ €33 miljun maħruġ minn SD Finance p.l.c. ġie sottoskritt kompletament, li jirrifletti l-fiduċja qawwija tal-investituri f’wieħed mill-akbar gruppi kummerċjali f’Malta.
Il-bonds, b’kupon ta’ 5.2 fil-mija u li jimmaturaw fl-2031, inħarġu aktar kmieni dan ix-xahar wara l-approvazzjoni tal-prospectus fit-3 ta’ Ottubru, 2025. Dan huwa l-ewwel tranċ ta’ programm ta’ bonds ta’ €60 miljun imħabbar mill-Grupp, bi ħruġ ieħor ta’ €27 miljun ippjanat għall-2026.
Il-fondi se jintużaw fl-espansjoni kontinwa tad-db Group kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Id-db Group reċentement ħabbar investimenti ġodda fl-ospitalità u r-real estate, inkluż is-sħubija tiegħu fil-Hard Rock Hotel & Residences Ras Al Khaimah fl-Emirati Għarab Magħquda — proġett internazzjonali importanti — u fetaħ reċentement Aki London, l-ewwel ristorant tiegħu barra minn Malta.
Is-sottoskrizzjoni ta’ suċċess tal-bond ġiet wara sena finanzjarja rekord għall-Grupp. Għas-sena li ntemmet f’Marzu 2025, id-db Group irrapporta dħul ta’ €99.2 miljun, żieda ta’ 11.8 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. L-EBITDA telgħet bi 15.03 fil-mija għal €35.79 miljun, filwaqt li l-profitt nett mill-operazzjonijiet laħaq €18.6 miljun. Il-valur nett tal-assi tal-Grupp kiber bi 15 fil-mija għal €241 miljun, b’assi totali li issa jammontaw għal €591 miljun.
Il-Bord tad-Diretturi ta’ SD Finance p.l.c. irringrazzja lill-investituri għall-fiduċja kontinwa tagħhom.
“Aħna kuntenti bir-rispons tas-suq. Din is-sottoskrizzjoni sħiħa tikkonferma l-fiduċja qawwija li għandhom l-investituri fl-istabbiltà finanzjarja, il-mudell tan-negozju u l-viżjoni fit-tul tad-db Gro,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-grupp, Robert Debono.
Illum, id-db-Group għandu preżenza f’setturi bħat-turiżmu, l-ospitalità, ir-real estate u l-ikel u x-xorb. Il-portafoll tiegħu jinkludi s-Seabank Resort & Spa, San Antonio Hotel & Spa, Melior Boutique Hotel u diversi marki globali bħall-Hard Rock International, Starbucks u GROM. Il-Grupp imexxi wkoll firxa ta’ ristoranti u postijiet magħrufa bħal Colette Brasserie, Aki, Loa, Manta, Veràni, Amami u Tora.
Imwaqqaf fl-1984, id-db Group kiber minn guesthouse żgħira mmexxija mill-familja għal waħda mill-intrapriżi tan-negozju l-aktar prominenti f’Malta.