Qalb żgħira, ġest kbir — Il-lemonade ta’ Rhyson għal Puttinu

Minn idea żgħira għal ġest kbir — Rhyson, tifel ta’ disa’ snin miż-Żejtun, qed ibigħ il-lemonade biex jgħin lit-tfal ta’ Puttinu. 

Fil-qalba taż-Żejtun, tifel ta’ disa’ snin b’qalb kbira qed jagħmel differenza kbira b’tazza lemonade. Rhyson, student ċkejken imma b’ruħ kbira, waqqaf lemonade stand biex jiġbor fondi għal Puttinu Cares, il-fondazzjoni li tgħin tfal morda u l-familji tagħhom. 

L-idea, kif jgħid hu, ġiet b’mod sempliċi imma sinċier: “Il-mama kull sena kienet tagħti donazzjoni lil Puttinu u jien xtaqt nagħmel l-istess,” qalilna Rhyson. 

Il-lemonade hi magħmula kollha bi mħabba u b’għajnuna minn ommu. “Il-mamà dejjem tgħinni nipprepara l-lemonade,” spjega Rhyson. Iżda għalih, il-ħaġa importanti mhijiex kemm ibigħ, imma għal min qed jagħmel dan kollu. “Inħossni ferħan ħafna għax naf li Puttinu Cares se jkollhom il-flus biex ifiqu u jkomplu jieħdu gost magħna,” żied jgħid, b’sens ta’ empatija li jmur lil hinn mill-età tiegħu. 

Kull ċenteżmu li jiġbor ma jmurx fil-but tiegħu — iżda direttament għand it-tfal ta’ Puttinu. “Immur niltaqa’ ma’ Angele u Renny u ntihom lit-tfal ta’ Puttinu,” jgħid b’ċerta kburija. “Nitgħallem li rridu ngħinu lil kulħadd.” 

Tradizzjoni ta’ ġenerożità fil-familja 

Meta tkellimna ma’ ommu, kienet ċara li din il-ħaġa ma ġietx mill-vojt. Hija stess ilha snin tagħmel ġabriet għal Puttinu — u issa qed tara lit-tifel isegwi l-passi tagħha. 

“It-tifel ried jagħmel il-lemonade stand għall-birthday tiegħu għax kien ra xi video ta’ tfal minn barra minn Malta,” tiftakar hi. “Għedtlu li hawn Malta, ma ssirx għax qisni bdejt niddejjaq min-nies, imma baqa’ jgħidli u biex naqtagħlu xewqtu, u armajna mejda quddiem id-dar. Bgħatt xi ħbieb biex jiġu jixtru, u meta staqsejtu x’se jagħmel bil-flus, qal li jridhom bħala pocket money. Għedtlu li kieku jagħtihom lil ħaddieħor kien se jieħu gost ikbar — u hekk għamel.” 

Dakinhar, Rhyson ġabar €1,200. 

Dak kien il-bidu ta’ xi ħaġa ikbar. Is-sindku taż-Żejtun, li semgħet bil-ġest tiegħu, stiednet lit-tifel jagħmel il-lemonade stand waqt Żejt iż-Żejtun, l-attività li ssir kull sena fil-lokalità. 

“Ħassejtni kuntenta ħafna,” tgħid ommu. “Jien ilni ħdax-il sena niġbor fondi għal Puttinu, u issa qed nara lit-tifel miexi fuq il-passi tiegħi.” 

Komunità li tgħaqqad 

Il-proġett ta’ Rhyson ma ġiex mingħajr għajnuna. Għadd ta’ nies fiż-Żejtun taw sehemhom b’mod spontanju — min ġab il-lumi, min it-tazzi, u ħafna aktar. “Għentu ħafna, imma issa anke hu tgħallem jagħmel il-lemonade waħdu,” tgħid hi. “Dan l-avveniment kien sfida kbira, imma l-komunità tassew qamet fuq saqajha biex tgħinna.” 

Għall-omm, din l-esperjenza tat lezzjoni importanti lil binha: 

“Naħseb li tgħallem ikun qalbu tajba u jgħin lil min għandu bżonn. Għax fl-aħħar mill-aħħar, xi darba nistgħu nsibu ruħna fil-bżonn aħna wkoll.” 

U fuq kollox, hi tħoss kburija kbira b’dak kollu li rnexxielu jagħmel. 

“Inħossni kburija bih. Hu motivat ħafna u għandu ġenn kbir biex tasal il-ġurnata tal-event. Jekk naraw ħafna nies jiġu jixtru mingħandu, ifisser li aktar tfal se jingħataw tama.” 

Bl-għajnuna tal-familja u ta’ ħafna nies ta’ rieda tajba, Rhyson qed jirnexxilu jiġbor fondi għal Puttinu Cares — imma fuq kollox, wera li anke l-iktar pass żgħir jista’ jġib bidla kbira. 

More in Socjali