'Riformi tal-ippjanar jew riformi għall-iżviluppaturi?'

Numru kbir ta' nies nġabru fil-Belt Valletta f’dimostrazzjoni kontra r-riformi tal-liġijiet tal-ippjanar

Folla kbira ta’ nies u attivisti ambjentali nġabru fil-Belt Valletta biex juru l-oppożizzjoni tagħhom għar-riformi proposti fil-liġijiet tal-ippjanar. L-avveniment, imsejjaħ minn diversi għaqdiet ambjentali u appoġġjat minn numru ta’ kunsilli lokali, kien kkaratterizzat minn diskorsi passjonati li saħqu fuq il-periklu li dawn ir-riformi iġibu telfa serja għas-saltna tad-dritt, għall-ambjent u għall-ġustizzja soċjali.

“Ir-Riħ tal-Għaqda u tal-Bidla” – Matthew Borg Cuschieri

Il-Viċi Sindku tal-Mellieħa, Matthew Borg Cuschieri, fetaħ id-diskorsi b’appell ċar:
“Qed tħossu r-riħ? Ir-riħ tal-forza, tal-għaqda, tal-bidla,” qal hu quddiem il-folla. Borg Cuschieri fakkar fil-kontroversja tal-Mellieħa Heights, fejn art pubblika spiċċat f’idejn żviluppaturi privati biex tinbena b’mod massiv.

“Dawn l-abbozzi ta’ liġijiet se jwasslu għal tliet affarijiet: rebħa għall-iżviluppaturi, poter assolut fil-Planning Authority, u demm” filwaqt li rreffera għaż-żewġ incidenti ta’ Miriam Pace u Jean Paul Sofia, 
Hu wissa wkoll li dawn il-liġijiet jikkostitwixxu “l-akbar taxxa li qatt tpoġġiet fuq il-poplu Malti”, anke jekk il-gvern ħabbar budget mingħajr taxxi. “Jekk jgħaddu dawn il-liġijiet, se jkun il-funeral tas-saltna tad-dritt u tal-ambjent tagħna,” temm jgħid.

Ingram Bondin: “Ħadd ma jwaqqaf lill-moviment ambjentali”

Attivist magħruf Ingram Bondin indirizza lill-folla b’ton qawwi u determinat, fejn semma wkoll lil Ricky Caruana.
“Ilbieraħ, is-sur Ricky Caruana qal li mar jizra’ s-siġar — u staqsa fejn huma l-ambjentalisti. Jien ngħidlu: neħħi dak in-nuċċali tax-xemx, ħa nurik fejn qegħdin jien,” qal Bondin fost daħk u applawsi.

Hu kompla jgħid li l-moviment ambjentali qatt ma kien daqshekk magħqud jew appoġġjat mill-poplu Malti.
“U għalhekk ngħidilhom li l-ebda theddida jew intimidazzjoni mhu se ddawwarna mill-aġenda tagħna — u jekk irridu nagħmlu protesta fil-Budget, aħna niġu u nagħmluha!”

Bondin saħaq ukoll li l-attivisti huma dejjem lesti għad-djalogu, iżda ma’ Prim Ministru li juri serjetà vera.
“Int wegħdt ruformi u ippreżentajt waħda favur l-iżviluppaturi. Nitkellmu kemm trid, imma meta tiġi titkellem magħna, kellimna bis-serjetà — għax illum qegħdin hawn għax int dħaqrt bina,” temm jgħid.

Josmar Azzopardi f’isem l-għaqdiet ambjentali f’Għawdex: “Attakk fuq l-art u fuq il-bdiewa”

F’isem l-għaqdiet ambjentali Għawdxin, Josmar Azzopardi esprima tħassib profond dwar l-impatt tar-riformi fuq il-gżejjer tagħna.
“Din mhix riforma, imma attakk komplet biex jimlew kullimkien bil-konkrit,” qal.
Hu fakkar li minkejja l-appelli ripetuti mill-Għawdxin, il-gvern “ħalla kollox fuq l-ixkaffa” u issa dawn l-abbozzi se jwasslu biex “ jiffragellaw l-art li tagħtina l-frott.”

Mark Sultana mill-BirdLife: “Kull siġra li taqa’ hija tifkira mitlufa”

Id-Direttur ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana, qal li l-ambjentalisti qegħdin hemm mhux kontra l-iżvilupp, imma favur żvilupp li jipproteġi l-futur.
“Il-pajjiż qed isejħilna biex insalvawh,” sostna.
“Meta taqta’ siġra jew jinxef wied, ma tkunx qed titlef biss in-numri — imma tifkiriet, identità u s-serħan tal-moħħ tagħna bħala poplu.”

Andre Callus minn Moviment Graffitti: “Lil min se tkun l-lealta Prim Ministru?”

Il-kelliema finali, Andre Callus minn Moviment Graffitti, ma żammx lura fil-kritika tiegħu.
“Dawn il-liġijiet saru biex jeqirdu l-poplu,” qal. “Robert Musumeci kitibhom u għandu lealtà lejn l-iżviluppaturi, mhux lejn min iħobb lil din l-art.”

Callus staqsa direttament lill-Prim Ministru: “Lejn min se tkun il-lealtà tiegħek — lejn il-poplu jew lejn l-iżviluppaturi?”
“Ahna hawn u hawn se nibqgħu,” temm jgħid fost applawsi kbar. Hekk kif żied jgħid ukoll li huma se jibqaw quddiem il-parlament jipprotestaw.

More in Socjali