Tliet sigħat tistenna għalxejn: Pazjenti jitkeċċew mill-Poliklinika ta’ Birkirkara

Għadd ta’ pazjenti f’Birkirkara qattgħu sigħat jistennew biex jaraw tabib fil-Poliklinika, iżda ftit qabel il-ħin tal-għeluq ġew mitluba jitilqu 

Għadd ta’ pazjenti li kienu ilhom jistennew sigħat sħaħ fil-Poliklinika ta’ Birkirkara ġew imkeċċija ftit qabel il-ħin tal-għeluq, minkejja li kienu waslu ferm qabel — xi wħud saħansitra mill-5:00 p.m. 

Skont diversi xhieda, fosthom omm li marret ma’ binha wara li sabet lit-tabib tal-familja mhux disponibbli, il-proċess kien wieħed ta’ frustrazzjoni u diżorganizzazzjoni. “Dħalt fis-sitta nieqes kwart, ħadt in-numru, u poġġejt nistenna. Hemmhekk kien hemm madwar għaxar persuni qabli. F’siegħa daru biss tliet numri. Sat-7:55 p.m. waqfu kollox u ħarġet is-security tgħidilna li t-tabib mhux ħa jara iktar nies. Ħafna minna konna ilna tliet sigħat hemm,” irrakkuntat din il-mara. 

Pazjent ieħor fuq il-post ikkonferma dan. Dustin Frendo, qal fuq il-midja soċjali li kien wasal fil-5:05 p.m. u kellu n-numru 107, meta dak il-ħin kienu għadhom waslu biss fin-numru 83. 
 

“Fit-7:55 pm. ħarġet is-security u qaltilna li t-tabib mhux se jara iktar nies, tistgħu tmorru. Imma jien kont ilni aktar minn tliet sigħat hemm. Il-biljett tiegħi juri li dħalt fil-5:05,” kiteb Frendo. 

Skont il-pazjenti, ħadd mill-uffiċjali fuq id-desk ma informa lil dawk li kienu diġà rreġistrati li setgħu ma jinqdewx. “M’iniex se nilmenta jekk nidħol fit-7:45 p.m. u l-klinika tagħlaq fit-8:00 p.m.” qalet il-mara. “Imma meta tmur fil-5:30 jew fis-6:00, u wara tliet sigħat jgħidulek biex titlaq, dak mhux servizz. Dak nuqqas ta’ rispett u ta’ sens komun.” 

Il-Poliklinika ta’ Birkirkara topera skont il-ħinijiet uffiċjali tal-Primary HealthCare — mit-8:00 am sat-8:00 pm madwar il-ġimgħa. Iżda l-każ iqajjem mistoqsijiet serji, u jekk hux qed tittieħed azzjoni biex jiġi evitat li nies li jkunu ilhom jistennew għal sigħat sħaħ jispiċċaw jintbagħtu lura d-dar mingħajr ma jarahom tabib 

 

 

Il-Ministru jgħid li hemm proċedura stabbilita għal dawn is-sitwazzjonijiet 

Mistoqsi min din il-gazzetta dwar is-sitwazzjoni, il-Ministru għas-Saħħa spjega li każijiet bħal dawn huma koperti minn Standard Operating Procedure (SOP) li tiddeskrivi kif għandu jiġi mmaniġġjat il-proċess ta’ għeluq tal-Health Centres filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa. 

“Kif tifhmu, kliniċisti li jispiċċaw ix-xogħol fit-8pm ma jistgħux ikomplu jaraw pazjenti sa tard bil-lejl, minħabba raġunijiet prattiċi bħall-fatt li l-persunal ta’ sostenn ukoll itemmu x-xift tagħhom,” qal il-Ministru. 

“L-SOP tgħid li l-iktar tabib anzjan flimkien mal-uffiċjal tas-sigurtà u l-impjegati tar-reception għandhom josservaw in-numru ta’ reġistrazzjonijiet, u meta dan jaqbeż dak li jista’ jkun realistiku li jinqeda sal-għeluq, lil dawk li jirreġistraw wara jiġu infurmati li hemm ċans li ma jarawhomx u jiġu mħeġġa jmorru fiċ-Ċentri tas-Saħħa li jaħdmu 24 siegħa — f’dan il-każ, iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.” 

Il-Ministru ammetta li s-sistema mhix perfetta, iżda “tipprova ttaffi d-diżappunt billi tevita stennija bla bżonn għal min x’aktarx ma jkunx jista’ jara tabib qabel il-ħin tal-għeluq.” 

Madankollu, għadd ta’ pazjenti sostnew li ħadd ma kien ġie avżat minn qabel dwar din il-proċedura jew dwar il-possibbiltà li ma jarawhomx. 

 

Ironikament, dan kollu qed iseħħ f’kuntest fejn il-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa ilhom iħeġġu b’insistenza lin-nies biex jevitaw li jmorru fl-Emerġenza jekk il-każ tagħhom mhux urġenti, u flok jużaw il-Polikliniki lokali għall-każijiet ta’ natura aktar ġenerali. Il-messaġġ uffiċjali kien wieħed ta’ sens komun u responsabbiltà kollettiva: ħalli l-Emerġenza għal min tassew għandu bżonnha, u agħmel użu mis-servizzi komunitarji li huma hemm propju biex inaqqsu l-pressjoni fuq l-isptarijiet. 

Madankollu, dak li qed jirrakkontaw il-pazjenti juri x-xena kontradittorja li ħafna qed jiltaqgħu magħha. Min jagħmel “il-ħaġa t-tajba” u jmur fil-Poliklinika spiss isib ruħu jistenna għal sigħat sħaħ mingħajr ċertezza jekk hux se jara tabib jew le. U meta fl-aħħar jintqalilhom li l-klinika se tagħlaq u li m’hemmx aktar ċans, il-pazjenti jispiċċaw bla kura — imġiegħla jew jistennew sal-għada, jew xorta waħda jmorru l-emerġenza li kienu qed jippruvaw jevitaw. Il-messaġġ ikun wieħed ċar iżda ironiku: is-sistema tgħidlek x’għandek tagħmel, imma mbagħad ma tkunx ippreparata biex tilqa’ lil min jagħmel eżattament hekk. 

 

More in Socjali