Erba’ ċittadini Maltin tilfu ħajjithom ilbieraħ wara li l-karozza li kienu fiha waqgħet f’baħar fil-Kroazja.
Skont rapporti minn midja fil-Kroazja, il-vettura kienet qed issuq mid-direzzjoni ta’ Rijeka lejn Senj meta s-sewwieq tilef il-kontroll f’dawra. Il-karozza ħabtet ma’ żewġ barriers ta’ sigurtà u eventwalment waqgħet minn għoli ta’ madwar 70 metru fil-baħar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4:20 ta’ waranofsinhar tal-Ħamis. Il-vittmi, żewġ koppji Maltin, ġew iċċertifikati mejtin fuq il-post u l-katavri tagħhom ġew irkuprati. L-awtopsji diġà bdew isiru.
Il-pulizija tal-Kroazja qalet li qed issir investigazzjoni biex jiġi stabbilit x’wassal għal din it-traġedja.
Sorsi infurmati qalu lil gazzetta oħt, MaltaToday li l-Gvern Malti ġie nnotifikat bl-identità tal-vittmi.