Għaqdiet sportivi kontra l-emenda ambjentali fil-Kostituzzjoni

 

Il-proposta biex il-Kostituzzjoni tiggarantixxi d-dritt għal ambjent sostenibbli qiegħda tiġbor appoġġ minn NGOs ambjentali iżda qed tħalli għaqdiet sportivi u kulturali allarmati bil-konsegwenzi tagħha

Proposta biex il-Kostituzzjoni ta’ Malta tinkludi d-dritt fundamentali għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli qed tqajjem reazzjonijiet kontrastanti. Filwaqt li l-għaqdiet ambjentali sellmu l-inizjattiva, diversi gruppi sportivi wissew li l-abbozz, kif inhu miktub bħalissa, jista’ jhedded l-attivitajiet tagħhom.

L-emenda, imressqa mill-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Darren Carabott, tipproponi li kull persuna f’Malta jkollha d-dritt kostituzzjonali għal ambjent sostenibbli. Biex tidħol fis-seħħ teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

Il-Federation of Arms Collectors and Target Shooters (FACTS) qalet li l-abbozz għandu kliem “eċċessivament wiesa’” li jippermetti lil kull min irid jagħmel kawża legali kontra attivitajiet jew organizzazzjonijiet sportivi. Skont FACTS, dan jista’ jġib miegħu kawżi frivoli jew motivati politikament li jpoġġu f’riskju l-istabbiltà legali tal-klabbs u l-faċilitajiet sportivi. L-għaqda saħqet ukoll li hemm theddida serja jekk il-qrati jingħataw il-poter li jimponu miżuri temporanji bħal sospenzjoni ta’ attivitajiet jew għeluq ta’ impjanti sportivi qabel ma l-evidenza tiġi eżaminata.

“Sitwazzjoni bħal din tkun inaċċettabbli,” sostniet FACTS, li fakkret ukoll li t-target shooting ilha snin twal tinvesti f’miżuri ta’ sigurtà u sostenibbiltà. L-għaqda talbet lill-MPs biex iżidu salvagwardji ċari kontra abbużi fil-litigazzjoni u jikkonsultaw direttament mal-komunità sportiva.

Il-Federazzjoni għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni (FKNK) qalet li l-emenda hi “drakonjana” u li tista’ twassal biex jitneħħu drawwiet bħal kaċċa, nassab, logħob tan-nar u anke festi tar-raħal jekk dawn jitqiesu ta’ ħsara ambjentali.

Minn naħa tagħha, il-Malta Motorsport Federation (MMF) qalet li, għalkemm tappoġġja l-prinċipju ta’ ambjent nadif, il-liġi proposta hi “f’termini ferm wiesgħa” u tista’ tintuża minn nies b’“intenzjonijiet dubjużi” biex iwaqqfu attivitajiet tal-muturi. MMF qalet ukoll li l-possibbiltà li l-qrati jagħtu miżuri provviżorji, bħal sospenzjoni ta’ tiġrijiet jew taħriġ, tista’ tagħmel ħsara kbira lill-isport u twaqqaf lis-sewwieqa milli jipprattikaw f’ambjent sigur u kkontrollat. L-għaqda talbet ukoll li l-abbozz jitneħħa.

Fil-kamp oppost, disa’ għaqdiet ambjentali, fosthom BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth Malta u Moviment Graffitti, ħarġu stqarrija konġunta fejn laqgħu l-emenda. Huma qalu li din se tagħti ċ-ċittadini l-possibbiltà li jikkontestaw liġijiet u politiki li “qed jeqirdu lil Malta u Għawdex għall-benefiċċju ta’ ftit”.

Il-moviment Momentum sostna wkoll l-inizjattiva, u qal li l-emenda tagħmilha iktar diffiċli li jiġu rtirati safeguards ambjentali fil-futur. Momentum appella lill-MPs tal-Gvern biex jappoġġjaw il-proposta u stedinhom jissieħbu f’protesta kontra r-riformi fil-qasam tal-ippjanar.

More in Socjali