Il-President tal-Kamra tal-Avukati jitlob awtorità regolatorja għall-Intelliġenza Artifiċjali

Il-President tal-Kamra tal-Avukati, Peter Fenech, wissa dwar ir-riskji tal-Intelliġenza Artifiċjali u talab awtorità regolatorja speċjali, waqt li tenna l-bżonn ta’ riforma fil-kors tal-liġi u qafas legali

Il-President tal-Kamra tal-Avukati, Peter Fenech, appella għall-ħolqien ta’ awtorità regolatorja għall-Intelliġenza Artifiċjali waqt id-diskors tiegħu għall-ftuħ tas-Sena Forensika.

Fenech saħaq li l-iżvilupp rapidu tal-AI qed iġib miegħu opportunitajiet kbar iżda wkoll sfidi serji għall-professjoni legali, kif ukoll għall-mod kif il-liġi tiġi mgħallma fl-Università ta’ Malta. Huwa wissa li l-AI tista’ tkun “għodda perikoluża jekk ma tkunx regolata,” speċjalment f’mument meta l-kors tal-liġi fl-università hu ppjanat li jinbidel.

Kritika lejn il-kors tal-liġi

Il-President tal-Kamra ma qagħadx lura milli jikkritika l-istat preżenti tal-kors tal-liġi, li skontu ħafna drabi jattira studenti li ma jistgħux jidħlu għal korsijiet oħra. Huwa żied li qed iseħħu sitwazzjonijiet fejn studenti li qatt ma jattendu l-lezzjonijiet matul is-sena xorta jgħaddu mill-eżamijiet, daqs oħrajn li jsegwu l-kors b’mod sħiħ.

Fenech qal li għaddejjin diskussjonijiet mal-Università dwar riformi fil-kurrikulu, li mistennija jidħlu fis-seħħ sal-2027.

Qafas legali għad-dixxiplina u l-istandards

Għal sena oħra, Fenech enfasizza l-ħtieġa ta’ qafas legali li jirregola l-professjoni legali, billi tfakkar li Malta tibqa’ l-unika stat demokratiku fl-Ewropa mingħajr tali liġi.

Huwa wkoll indirizza l-kwistjoni tal-istandards professjonali u r-responsabbiltà tal-ġudikatura, u insista fuq proċedura ċara għall-Kummissarju għall-Istandards Ġudizzjarji biex kull ilment jew allegazzjoni kontra membri tal-ġudikatura jiġu investigati b’mod serju u trasparenti.

Pressjonijiet fuq il-ġudikatura

Il-President tal-Kamra fakkar ukoll fl-isfidi kontinwi relatati mal-piż tax-xogħol tal-qrati. Minkejja li faħħar il-ħatra ta’ ġudikanti ġodda, sostna li dan l-intervent mhux biżżejjed biex ilaħħaq man-numru dejjem jikber ta’ każijiet.

Huwa ċċara li l-avukati ma jistgħux jaċċettaw sitwazzjonijiet fejn il-qrati jonqsu milli jżommu l-ħinijiet ta’ smigħ mingħajr skuża, għax dan ifixkel serjament ix-xogħol tagħhom.

Fenech ma naqasx milli jdur ukoll fuq nuqqasijiet interni fil-professjoni legali, li attribwixxa għal assenza ta’ regolamentazzjoni, abbużi, nuqqas ta’ dixxiplina u nuqqas ta’ professjonaliżmu.

Huwa sostna li anke t-tariffi tal-avukati għandhom jiġu riveduti, billi dawk eżistenti huma “inadegwati u mhux realistiċi,” u qed iżidu mal-problemi li jaffaċċjaw il-qrati.

More in Socjali