L-oppożizzjoni tingħata l-appoġġ tal-NGOs għall-mozzjoni favur il-protezzjoni ambjentali

L-ENGOs u l-Partit Momentum qed jappoġġjaw l-abbozz ta’ liġi tal-Oppożizzjoni li jipproponi d-dritt kostituzzjonali għall-ambjent

Disgħa organizzazzjonijiet ambjentali ħabbru li qed jappoġġjaw abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni biex id-dritt għal ħajja f’ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli jsir dritt kostituzzjonali għal kull persuna li tgħix f’Malta.

“Permezz ta’ dan id-dritt, kull persuna jkollha l-possibbiltà li tikkontesta liġijiet  li għandhom l-intenzjoni li jeqirdu lil Malta u lil Għawdex għall-benefiċċju kontinwu ta’ ftit,” qalu l-NGOs f’dikjarazzjoni konġunta.

Il-gruppi li ffirmaw din l-istqarrija huma: Ramblers' Association of Malta, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, BirdLife Malta, Nature Trust Malta, Wirt Għawdex u Għawdix.

Anke Partit Momentum esprima l-appoġġ tiegħu għall-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista, billi sostna li dan l-emendament kostituzzjonali jagħmel ħafna iktar diffiċli li safeguards ambjentali jinqalbu jew jiddgħajfu fil-futur.

Peress li l-abbozz jissuġġerixxi tibdil fil-Kostituzzjoni, dan ikollu bżonn vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament biex jgħaddi. Momentum appella lill-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista sabiex jivvutaw favur il-mozzjoni.

“Aħna nemmnu li din il-bidla kostituzzjonali hija pass essenzjali biex inħarsu lil Malta għall-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-futur,” qal is-Segretarju Ġenerali ta’ Momentum, Mark Camilleri Gambin.

Fl-istess waqt, Momentum sejjaħ ukoll lill-pubbliku biex jattendi għad-dimostrazzjoni organizzata mill-NGOs kontra r-riforma ppjanata tal-Gvern fil-qasam tal-ippjanar.

“Din id-dimostrazzjoni se tkun dikjarazzjoni qawwija mill-poplu li qed jitlob impenn għal futur sostenibbli u li jista’ joffri kwalità ta’ ħajja aħjar f’Malta,” temm jgħid il-partit.

More in Socjali