Abela jgħid li r-ritorn ta’ Crimea fl-Ukrajna “mhux negozjabbli”

Il-Prim Ministru Robert Abela, waqt is-Summit tal-Crimea Platform fil-Ġnus Magħquda, insista li r-reintegrazzjoni ta’ Crimea fl-Ukrajna mihiex negozjabbli

Ritratt:OPM
Ritratt:OPM

Il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ għal “reintegrazzjoni leġittima” tal-peniżola ta’ Crimea bħala parti integrali mill-Ukrajna, filwaqt li talab lir-Russja ttemm immedjatament l-okkupazzjoni illegali tagħha, kemm f’Crimea kif ukoll f’territorji oħra.

Waqt l-intervent tiegħu fis-Summit tal-Krimea Platform fil-Ġnus Magħquda, Abela sostna li l-aggressjoni Russa u l-annessjoni sfurzata ta’ Crimea u Sevastopol tmien snin ilu jikkostitwixxu ksur dirett tal-Karta tan-NU. Huwa enfasizza li r-restawr tal-integrità territorjali tal-Ukrajna mhuwiex biss kruċjali għall-pajjiż innifsu, iżda wkoll pass fundamentali lejn paċi ġusta, sħiħa u dejjiema.

Il-Prim Ministru esprima solidarjetà mal-abitanti Ukreni li għadhom jgħixu taħt l-okkupazzjoni Russa f’Crimea, u kkundanna t-tentattivi sistematiċi ta’ Moska biex timxi lejn il-qerda tal-identità nazzjonali Ukrena. Huwa semma fost l-oħrajn l-impożizzjoni sfurzata taċ-ċittadinanza Russa, repressioni militari u atti ta’ intimidazzjoni li, skontu, qed jitħaddmu biex jinbidel b’mod permanenti l-pajsaġġ kulturali u demografiku tal-peniżola u ta’ territorji oħra okkupati.

Parti mill-intervent tiegħu kienet iddedikata wkoll għad-deportazzjoni u t-trasferiment sfurzat ta’ tfal Ukreni minn Crimea, li Abela ddeskriva bħala tentattivi deliberati biex jinbidel l-istatus ċivili u l-identità tagħhom. F’isem Malta, bħala l-Presidenza attwali tal-Kunsill tal-Ewropa, Abela wiegħed li pajjiżu se jkompli jressaq il-vuċi tiegħu favur ir-ritorn immedjat u sigur ta’ dawn it-tfal lejn art twelidhom.

Id-dikjarazzjonijiet ta’ Abela jidhru wkoll bħala bidla fit-ton tiegħu dwar il-gwerra fl-Ukrajna. Filwaqt li f’Marzu li għadda kien saħaq li l-kunflitt ma jistax jintemm mingħajr kompromessi u anke qal li “l-Ukrajna ma tistax tirbaħ din il-gwerra”, issa l-Prim Ministru qed jallinja ruħu aktar mal-pożizzjoni ta’ ċerti alleati, fosthom il-President Amerikan Donald Trump, li minn twissija li l-Ukrajna tista’ titlef territorju issa qed jgħid li tista’ terġa’ tirbaħ kull biċċa art tagħha.

Fl-aħħar tal-intervent tiegħu, Abela tenna li r-reintegrazzjoni ta’ Crimea fl-Ukrajna hija mhux negozjabbli, u sejjaħ lir-Russja tirtira minnufih minn Crimea, kif ukoll mid-distretti ta’ Donetsk, Luhansk, Kherson u Zaporizhzhia.

More in Socjali