KDT: Leħen it-tfal fil-Knisja u fl-iskola
Il-Kummissjoni Djoċesana tat-Tfal (KDT) hija komunità fil-Knisja f’Malta li tgħin lit-tfal u adolexxenti jikbru fil-fidi u fil-valuri Kristjani permezz ta’ attivitajiet, live-ins u esperjenzi ta’ formazzjoni li jibqgħu magħhom tul ħajjithom

minn Jaelle Borg

Il-Kummissjoni Djoċesana tat-Tfal, magħrufa bħala KDT, hija organizzazzjoni fil-Knisja f’Malta li tiffoka fuq il-formazzjoni spiritwali u soċjali tat-tfal. Il-membri tal-KDT, ta’ età bejn is-7 u t-13-il sena, jingħaqdu flimkien ma’ adolexxenti fil-KDT+ biex jesperjenzaw ħajja ta’ komunità, jitgħallmu dwar il-valuri Kristjani u jagħtu sehem fil-komunità. Il-KDT torganizza weekend live-ins, laqgħat fix-xahar, attivitajiet fil-parroċċa, u kuntatti regolari mal-Arċisqof. Barra minn hekk, il-familji tat-tfal jitħeġġew jipparteċipaw biex il-formazzjoni tkun sostnuta wkoll fid-dar.
Il-KDT hija mmexxija mid-delegata tal-Arċisqof għat-tfal Sr Anna Sammut, flimkien ma’ erba’ leaders oħra. Fosthom hemm Glen Mercieca li tkellimna miegħu biex nsiru nafu daqsxejn aħjar dan il-grupp. Hu jispjega kif il-KDT jinbidel maż-żmien minħabba li l-membri jikbru u membri ġodda jingħaqdu. “Id-dinamika tal-grupp dejjem tinbidel u tiġġedded skont il-bżonnijiet tat-tfal membri u tal-familji tagħhom,” jgħid Glen. “Madankollu, l-iskop ewlieni jibqa’ dejjem l-istess: il-pastorali diretta mat-tfal.”
Meta mistoqsi dwar l-aktar impatt pożittiv tal-KDT fuq it-tfal, Glen jenfasizza l-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù. “Jekk ma rnexxilniex inwassluhom s’hemm, allura nkunu fallejna. Dan huwa fundamentali biex ikomplu jikbru f’żgħażagħ u adulti b’sinsla u b’valuri sodi.” Minbarra dan, il-KDT jiffaċilita wkoll impatti personali, bħall-għajnuna lit-tfal biex jidentifikaw familji fil-bżonn u jipprattikaw dak li jippritkaw.
Glen spjega kif il-Kummissjoni tgħallem lit-tfal dwar il-valuri Kristjani billi l-mexxejja stess juru dawn il-valuri fil-ħajja tagħhom. “Aħna, bħala role models, nagħmlu eżempju konkret. Imbagħad hemm il-kuntatt dirett magħhom f’attivitajiet ta’ formazzjoni u live-ins fejn nistgħu nibnu relazzjoni aktar b’saħħitha magħhom u mal-familji tagħhom.”
Mumenti Memorabbli
Fost il-mumenti memorabbli, Glen jenfasizza dawk li jirrappreżentaw l-esperjenza spiritwali vera: “Il-mumenti ta’ adorazzjoni waqt live-ins, fejn it-tfal jippreżentaw xi ħaġa vera u awtentika bħall-Ewkaristija, jgħaddilna emozzjonijiet qawwija u jibqgħu f’qalbna.” Dawn il-mumenti, skont Glen, huma aktar sinifikanti mill-assemblee mal-Arċisqof jew safriet internazzjonali bħal Lourdes.
Ex membri bħal Julia Camilleri u Emma Gatt jaqblu li l-esperjenza fil-KDT kienet trasformattiva. Julia tirrakkonta: “Kien vjaġġ li biex tifhmu, trid tgħixu. Kważi ma jirnexxilix insib kliem biex niġġustifika l-gratitudni u l-imħabba li għandi lejn il-KDT. Dak li rċivejt, mhuwiex memorja, imma ngħixu kuljum, u nibqa’ nġorru miegħi għall-bqija ta’ ħajti.” Emma żiedet: “Nissomma kollox f’żewġ kelmiet — kienet esperjenza twila u indimentikabbli, u niftakar ħajti aktar bil-KDT milli mingħajr.”
L-aktar mumenti memorabbli tagħhom kienu l-live-ins, irtiri, u l-attivitajiet pubbliċi. Julia tispjega: “Il-live-ins u l-irtiri kienu sors qawwi biex saħħew l-għaqda ta’ bejnietna u għamluna komunità. Kienu strument għall-iżvilupp individwali u bħala grupp, u wrewli kif Ġesù jgħix fi ħdan kull wieħed u permezz tagħna.” Emma żiedet li l-ewwel attività Djoċesana mal-Arċisqof kienet speċjali, fejn kellha l-opportunità tistaqsi mistoqsijiet u tikseb esperjenza personali mal-Arċisqof.
Julia tispjega kif il-Kummissjoni kienet tagħti inkoraġġiment u tagħlim kontinwu: “Kien hemm ħafna diskussjonijiet ma’ kelliema differenti, anke fuq suġġetti li mhumiex reliġjużi, biex inrabbu l-opinjonijiet individwali u infurmati tagħna. Il-KDT għallem permezz tal-azzjoni u l-eżempju uman u ġenwin.” Emma żiedet li l-live-ins kienu opportunità biex titgħallem kif tapplika l-valuri fil-ħajja ta’ kuljum, u kif tgħin tfassal konsiderazzjoni morali u spiritwali.
Opportunitajiet fil-komunità
Il-KDT tħeġġeġ lit-tfal biex jikkontribwixxu għall-komunità. Glen jenfasizza: “Bħalma Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu ‘tnejn tnejn’, hekk ukoll aħna nippruvaw nagħmlu magħhom. Dan jagħti opportunitajiet biex jinħoloq kuntatt ma’ tfal u familji oħra li forsi għaddejjin minn tbatija jew apatija spiritwali.” Julia u Emma jaqblu li l-esperjenza fil-KDT influwenzat il-mod kif jikkontribwixxu għall-komunità llum. Julia tispjega: “Jiena leader mal-adolexxenti fil-parroċċa u nipprova nagħmel differenza fid-dinja u man-nies, mhux miegħi nnifsi biss.” Emma żiedet: “Il-KDT għenitni nħoss kuraġġ, nitkellem u nsaqsi, u nagħti sehem fit-tmexxija tal-parroċċa tiegħi.”
Pariri u lezzjonijiet
Julia tgħid lit-tfal futuri: “Żomm moħħ miftuħ u qalb ġeneruża, bħal dik tat-tfal. Kun awtentiku u aspiraw li titjiebu kontinwament mingħajr ma tikkumparak ma’ ħaddieħor.” Emma tispjega l-importanza li turi kuraġġ u tkellem anke jekk tħoss li tista’ tiġi ġġudikata: “Ftakar li dak li qed tagħmel qed tagħmlu biex issemmgħu l-leħen ta’ ħafna tfal quddiem id-djoċesi.”
F’dan il-kuntest, il-KDT mhux biss grupp pastorali; hija komunità li tgħallem, tħeġġeġ u timplimenta l-valuri Kristjani fil-ħajja ta’ kuljum tat-tfal u żgħażagħ f’Malta. Minn Glen Mercieca għal Julia u Emma, kull membru jirrakkonta storja ta’ esperjenza li tħalli impatt fuq il-fidi, il-komunità, u l-iżvilupp personali. Il-KDT jibqa’ leħen attiv għall-futur, fejn it-tfal illum jistgħu jsiru mexxejja spiritwali u komunitarji tal-lum u ta’ għada.

