Sala ġdida ta’ kura paljattiva f’San Vinċenz de Paul

Sala ġdida ta’ kura paljattiva b’16-il sodda nħatret f’San Vinċenz de Paul bl-iskop li tipprovdi kura integrata u personalizzata lill-anzjani fl-aħħar stadji tal-ħajja tagħhom

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Jorgen Souness(Ritratt:DOI/MHA)
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Jorgen Souness(Ritratt:DOI/MHA)

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Dr Jo Etienne Abela, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Dr Malcolm Paul Agius Galea, inawgura sala ġdida ta’ kura paljattiva f’San Vinċenz de Paul, b’kapaċità ta’ 16-il sodda.

Din il-faċilità l-ġdida tirrappreżenta pass importanti fil-provvediment ta’ kura speċjalizzata fl-aħħar stadji tal-ħajja, għal dawk l-anzjani li jaffaċċjaw kundizzjonijiet serji li jħallu impatt fuq il-kwalità ta’ ħajjithom. Hija parti minn viżjoni usa’ ta’ San Vinċenz biex is-servizzi jiġu msaħħah u jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ kura integrata u olistika.

Il-Ministru Abela qal li s-sala tal-kura paljattiva turi l-impenn tal-Gvern biex il-pazjenti Maltin u Għawdxin jingħataw kura b’dinjità. “Permezz ta’ din is-sala, ser tkun offruta kura bl-aħjar mod possibbli, mhux biss lill-pazjent imma wkoll bħala sostenn lill-familjari tiegħu,” tenna l-Ministru.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Agius Galea sostna li l-kura paljattiva mhijiex biss trattament mediku, iżda tinkludi wkoll appoġġ emozzjonali u spiritwali. Huwa ddeskriva s-sala bħala pass ieħor lejn sistema ta’ kura iktar sensittiva u personalizzata li tqis id-dinjità tal-persuna sat-tmiem ta’ ħajjitha.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Jorgen Souness, qal li din is-sala ġdida tirrifletti l-impenn tal-faċilità biex joffru spazji li jħarsu l-privatezza u l-benesseri tal-pazjenti, filwaqt li joffru wkoll appoġġ neċessarju lill-qraba tagħhom.

Din is-sala ser tkun immexxija minn tim multidixxiplinari li jinkludi tobba, infermiera, professjonisti paramediċi, ħaddiema soċjali, psikologi u anke persuni ta’ appoġġ spiritwali. Il-kura se tkun ibbażata fuq pjanijiet personalizzati, li mhux biss jindirizzaw l-uġigħ u s-sintomi, iżda wkoll l-aspetti emozzjonali u psikoloġiċi kemm tal-pazjenti kif ukoll tal-familji tagħhom.

More in Socjali