Learning hub ġdid fil-ħabs ta’ Kordin biex isaħħaħ ir-riabilitazzjoni tal-priġunieri

Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tinawgura learning hub ġdid b’klassijiet moderni, librerija u taħriġ vokazzjonali, bl-għan li jsaħħaħ il-proċess ta’ riabilitazzjoni tal-priġunieri u jħejjihom għal ħajja ġdida fis-soċjetà

Ritratt: Clifton Fenech/DOI
Ritratt: Clifton Fenech/DOI

Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin nediet learning hub ġdid bl-iskop li jsaħħaħ il-proċess ta’ riabilitazzjoni tal-priġunieri permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali.

Il-proġett jinkludi klassijiet moderni mgħammra b’kull mezz neċessarju għall-istudju f’suġġetti bħal Malti, Ingliż, Matematika, ICT u ħiliet diġitali. Barra minn hekk, se jsiru wkoll lezzjonijiet vokazzjonali fosthom fil-qasam tal-hairdressing, ħjata u anke disinn ta’ siti web. Il-programm joffri wkoll korsijiet li jtejbu l-impjegabbiltà bħal kitba ta’ CV u workshops fuq l-iżvilupp personali.

Il-learning hub jospita wkoll librerija biex tinkoraġġixxi l-qari, kif ukoll spazju għall-arti li joffri opportunitajiet ta’ espressjoni kreattiva u terapija permezz tal-arti.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li dan il-proġett huwa parti mill-bidla li għaddejja fil-ħabs ta’ Kordin, li llum jinsab “ħieles mid-droga u b’aktar dixxiplina”.

“Il-learning hub għandu rwol ewlieni għax irridu li min qed jiskonta sentenza jkun jista’ jitgħallem u jitħarreġ, biex ladarba jirritorna fis-soċjetà jkun persuna aħjar u kapaċi jsib impjieg,” sostna Camilleri.

Il-Ministru tenna li l-għan tal-Gvern mhux biss li jtejjeb il-kundizzjonijiet fil-ħabs, iżda wkoll li jagħti opportunità reali ta’ bidla u integrazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegersma saħaq fuq ir-rwol ċentrali tal-edukazzjoni fil-proċess ta’ riabilitazzjoni. Huwa spjega li l-korsijiet u t-taħriġ qed jiġu mfassla biex iħejju lill-priġunieri għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol sabiex, wara s-sentenza, ikunu jistgħu jgħixu ħajja normali u jżommu ’l bogħod mill-kriminalità.

“B’dan il-mod, mhux biss nagħtu futur aħjar lil dawn il-persuni, iżda nnaqqsu wkoll il-vittmi futuri tal-kriminalità,” temm jgħid Siegersma.

More in Socjali