ADPD kontra l-bini ta’ djar tal-anzjani fuq art ODZ

ADPD-The Green Party tgħid li d-djar għall-anzjani għandhom jinbnew ġewwa l-komunitajiet u mhux fuq art ODZ, u tħeġġeġ soluzzjonijiet alternattivi li jinkludu l-anzjani fil-qalba tal-irħula

ADPD-The Green Party esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-proposti biex jinbnew djar tal-anzjani f’Ħaż-Żabbar u f’Marsaskala li jinsabu barra miż-żoni ta’ żvilupp, billi sostniet li din il-prattika tista’ tintuża bħala skuża biex isir bini f’art agrikola prezzjuża.

Filwaqt li tappoġġja l-ħidma biex jiġu offriti postijiet adegwati għall-anzjani, il-kelliem tal-partit, Mario Mallia, qal li għandu jsir sforz biex jiġu identifikati siti li jinsabu fil-qalba tal-irħula, u mhux fil-periferija tagħhom. “Jekk irridu ninkludu l-anzjani, ma neżiljawhomx fil-periferija tal-irħula tagħna imma għandhom ikunu parti integrali mill-komunitajiet tagħna,” qal Mallia, li enfasizza kif dan jaqbel ma’ politika ta’ inklużjoni fil-pajjiż.

ADPD tħoss li l-bini ta’ dawn il-facilitajiet barra miż-żoni ta’ żvilupp huwa l-għażla l-facli għall-sidien ta’ art f’ODZ biex jibbenefikaw finanzjarjament, taħt l-iskuża tal-ġid komuni. Il-partit jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex l-ewwel jiġu esplorati siti fiż-żoni diġà żviluppati jew f’żoni pjanifikati għal żvilupp, sabiex ma tinqeridx iktar art agrikola li hija essenzjali għall-produzzjoni tal-ikel, kif anke rikonoxxut fil-Pjan Strategiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED).

Mallia qal ukoll li l-gvern għandu jħeġġeġ it-twaqqif ta’ koperattivi soċjali fil-qasam tal-anzjani biex jiġu offruti soluzzjonijiet alternattivi u innovattivi, lil hinn mill-formola tradizzjonali ta’ djar għall-anzjani. “Hekk nistgħu niżguraw li l-anzjani tagħna jkunu integrati fil-komunità u mhux mneżlin fil-periferija,” sostna.

Din il-pożizzjoni tirrifletti l-enfasi tal-partit fuq inklużjoni soċjali, sostenibbiltà urbanistika u protezzjoni tal-art agrikola fil-pajjiż.

More in Socjali