F’dinja fejn għadna nassoċjaw ċerti professjonijiet ma’ ġeneru wieħed, storja bħal dik ta’ Nahan Zahra Piscopo — student li għadu kemm iggradwa bħala midwife — tfakkarna li l-passjoni m’għandhiex ġens.
“Dejjem kelli interess fil-qasam tat-tqala u l-ħajja ġdida,” jgħid. “Minn dejjem affaxxinani l-proċess tat-twelid u kemm hu qawwi u emozzjonanti.”
Kienet esperjenza viċin tiegħu, ġewwa l-familja, li qajmet dik il-kurżità li ma waqfitx tikber. U hekk, b’determinazzjoni u għażla, beda triq li llum ġabitlu sodisfazzjon kbir — u anke sorpriża minn xi wħud.
“Imma dan mhux xogħol għan-nisa?” kienet il-mistoqsija li semagħha mingħand ħafna. “Ftit kienu sorpriżi wkoll sempliċement għax ma kinux imdorrijin jaraw raġel f’dan il-qasam. Imma kif għadda ż-żmien u rawni naħdem b’dedikazzjoni u rispett, dawk id-dubji spiċċaw.”
Il-veru sapport, jgħid hu, ġie minn dawk li verament jgħixu dan il-qasam: il-qwiebel, il-pazjenti, il-familja, u sħabu. “Tawni ċans nurihom min jien u x’nista’ noffri.”
Meta mistoqsi dwar l-ewwel darba li assista fi twelid, hu jgħid, “Kien mument li se nibqa’ niftakar għal ħajti — taħlita ta’ adrenalina, konċentrazzjoni u ferħ.”
U l-istorja ma spiċċatx hemm. Sal-lum iżomm kuntatt mal-omm, u kull darba li tibgħatlu ritratt tat-tifla tagħha tikber, iħossu “grat u emozzjonat” li kien parti minn dak il-mument speċjali fil-ħajja tagħhom.
Il-kisbiet mhumiex biss teknici, jgħid hu, imma emozzjonali. “Li naf li bil-preżenza tiegħi, l-għajnuna u l-kelma t-tajba, kont kapaċi nagħmel din l-esperjenza aktar faċli u sabiħa għal ħafna familji — dak hu l-veru rikonoxximent.”
Iżda jagħraf ukoll li mhux xogħol faċli: “Hemm ġranet iebsa, imma hu xogħol li jagħtik ħafna lura.”
Għandu messaġġ ċar għal dawk li jistgħu jkunu qed jikkunsidraw din il-professjoni, speċjalment irġiel żgħażagħ: “Il-midwifery mhux xogħol għal ġeneru wieħed. Huwa xogħol għal min għandu qalbu f’dan il-qasam. Jekk tħoss li dan ix-xogħol jista’ jkun għalik, mur għalih.”
“Passjoni, rispett, u dedikazzjoni — dawn għandhom ikunu l-armi tiegħek, mhux il-ġeneru.”
Dan iż-żagħżugħ Malti qed juri li l-passjoni, il-kura, u d-dedikazzjoni m’għandhomx ġeneru. Hu xempju ħaj ta’ kif il-ħolm jista’ jsir realtà, u ta’ kif nistgħu nkissru l-isterjotipi billi sempliċement inkunu aħna — b’qalb sħiħa u għażla kuraġġuża.