Eku tal-passat: Għar il-Friefet fil-mira tal-iżviluppaturi għal darb’oħra
L-arloġġ idur lura għal 45 sena ilu hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar qed iddur applikazzjoni ta’ żvilupp fuq Għar il-Friefet

minn Ilenia Debono

Il-Malti jgħid li ż-żmien jagħtina parir, madankollu l-iżviluppaturi ma tgħallmux u reġgħu tefgħu għajnhom fuq Għar il-Friefet, il-ħabitat ta’ kolonja ta’ razza ta’ friefet il-lejl rari ‘Myotis blythi’, dak li bl-Ingliż magħruf bħala ‘Lesser Mouse-Eared Bat’.
Din ir-razza qed taffaċċja problemi minħabba li qed tonqos ħafna fil-popolazzjoni tagħha. F’Andalusia ġo Spanja, il-popolazzjoni ta’ din ir-razza naqset minn 30,000 għal 14,000 minħabba ħsejjes ta’ kostruzzjoni bejn l-1994 u l-2002.
Dan ifisser li jekk din il-kolonja tiġi mħarbta, wieħed jista’ jistenna li l-kolonja tal-friefet il-lejl ġo dan l-għar ħa tonqos.
Minbarra l-friefet il-lejl, l-għar huwa magħruf għall-fatturi ġeomorfoloġiċi uniċi. Skont studju li kienet saret mill-kumpanija IRMCo, l-għar diġà qiegħed fi stat perikoluż. Fl-istudju, l-għar ġie rikonoxxut bħala “fenomenu ġeomorfoloġiku,” hekk kif dan evolva bi proċess magħruf bħala “karstifikazzjoni”. Riżultat ta’ dan l-istudju, ġiet stabbilita Non-Development Zone ta’ 15-il metru sabiex tipproteġi l-għar.
Dan is-sentiment ambjentali kien f’qalb il-200 żagħżugħ li madwar 40 sena ilu ħarġu fit-toroq Maltin sabiex jipprotestaw kontra żvilupp fuq l-istess sit. Dawn il-200, li semmew lilhom infushom “Żgħażagħ għall-Ambjent”, kienu qed jipprotestaw kontra żvilupp viċin l-istess għar propost minn Joe Pace, negozjant qarib l-Eks Ministru Laburista kontroversjali Lorry Sant. Dak iż-żmien, Sant kien qed iservi bħala l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Sports u Akkomodazzjoni.
L-istorja tkompli, b’Sant tmissu qalbu għal dawn il-friefet il-lejl u intervjena kontra l-proġetti ta’ sieħbu. Barra minn hekk, din il-protesta turi l-bidu tal-użanza tal-kelma “ambjentalist” f’kuntest lokali. Il-valuri hemm kienu imma issa wasal il-kunċett f’aspett politiku.
L-applikazzjoni kurrenti
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ resident imħasseb rigward l-applikazzjoni tal-iżvilupp PA 02177/22 speċjalment meta wieħed jikkonsidra n-natura sensittiva tal-għar taħt is-sit tal-iżvilupp propost.
Il-proposta tinvolvi t-twaqqigħ ta’ dar eżistenti li qiegħda viċin ta’ żewġt idjar oħra fuq Għar il-Friefet sabiex jinbnew maisonette u garaxxijiet fl-ewwel sular, u sitt units oħra fuq dan is-sular, kif ukoll penthouse.
Il-proposta ġiet sottomessa fl-2022, u bħalissa qed tiġi riveduta mill-Awtorità tal-Ippjanar wara li l-istess awtorità rrifjutatha. L-iżviluppatur appella dan u l-Bord tal-Appelli bagħat il-każ lura għand l-Uffiċjal tal-Każ.
Fl-2023, l-Uffiċjal tal-Każ ippubblika l-ewwel rapport u dan irrikonoxxa li dan l-iżvilupp ħa jkollu impatt fuq “il-wirt kulturali u naturali”. Għalhekk hemm bżonn li toħroġ approvazzjoni mingħand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u s-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali (SCH).
Fir-rapport saru diversi konsultazzjonijiet, inkluż mal-SCH u l-ERA. L-SCH baqgħet lura milli tikkummenta direttament fuq “l-aspetti kollha tal-proposta”, imma tenniet li hemm bżonn li d-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet rikjesti kollha relatati ma’ dan l-iżvilupp jinġabru qabel ma jsir iżjed assessjar mis-sovritendenza.
L-ERA tat iżjed detall u qalet li avolja s-sit qiegħed f’żona ta’ żvilupp, is-sit qiegħed ukoll imiss mal-perimetru tal-għar, li hu sit ta’ wirt naturali importanti u wkoll ħabitat għall-friefet il-lejl. L-ERA tfakkar li l-għar huwa protett bil-liġi.
L-ERA titlob li l-każ jerġa’ jintbagħat lill-awtorità wara li jiġu indirizzati ċerti affarijiet fosthom rapport tal-investigazzjoni tal-art speċifikament għal din l-applikazzjoni, hekk kif ir-rapport sottomess kien għal sit ieħor u wkoll rakkomandazzjonijiet għal miżuri ta’ mitigazzjoni li għandhom bżonn jiġu indirizzati.
Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa ġie kkonsultat ukoll fejn is-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien, Scott Camilleri u Rosalie Mintoff, qalu li għandhom ir-riservazzjonijiet tagħhom fuq l-iżvilupp propost minħabba l-fatt li s-sit kważi jmiss ma’ Għar il-Friefet.
Madankollu, l-Uffiċjal tal-Każ irid jipprovdi rapport ieħor u individwi jistgħu jissottomettu l-oġġezzjonijiet tagħhom, kif kien ġara fl-2022 meta numru ta’ individwi u għaqdiet oġġezzjonaw għal dan il-proġett.
Żvilupp passat fiż-żona
Fl-istess rapport, l-uffiċjal jinnota l-istorja ta’ żvilupp fuq is-sit, fejn fosthom kien hemm proposta sabiex titwaqqa’ dar sabiex tinbena blokka ta’ erba’ sulari b’maisonette, għaxar appartamenti, u żewġ penthouses li ma ġietx aċċettata.
Ir-resident li tkellem mal-gazzetta qal li madwar 20 sena ilu, kien hemm applikazzjoni sabiex waħda mid-djar tħaffer fl-art għal bir, u r-residenti ta’ din id-dar ġew ipprojbiti milli jużaw kwalunkew tip ta’ makkinarju riżultat tal-fraġiltà tal-għar. L-istess resident qal ukoll li madwar disa’ snin ilu, ġiet sottomessa applikazzjoni għal żvilupp ta’ 200 appartament wara dawn id-djar ta’ fuq l-għar.
L-appell tar-resident huwa sabiex in-nies isiru konxji ta’ dan il-proġett u jiġi protett dan is-sit ta’ wirt storiku u ambjentali. Dan il-każ mhuwiex l-unika darba li kien hemm żvilupp propost f’din iż-żona li kien qed jipperikola Għar il-Friefet.
Ir-resident li tkellem mal-gazzetta daħal fl-għar hu stess u ħa numru ta’ ritratti tal-għar. Ġol-għar stess skoprew toqba mgħottija bil-konkrit li għandha aċċess għad-dar li għandha titwaqqa’ skont l-applikazzjoni. Ir-resident spjega kif id-djar ta’ fuq l-għar kienu oriġinarjament bħala maħżen għall-armata Ingliża u aktar tard djar għal uffiċjali ta’ status għolja. Waqt it-Tieni Gwerra Dinija, l-għar kien jintuża bħala xelter, u n-nies kienu jaċċessaw l-għar mill-istess toqba fl-art.
Ir-resident qajjem tħassib ukoll fuq il-fatt li diġà waqgħu xi ġebel mill-għar, u għalhekk jekk isir dan il-proġett hemm il-biża’ li ħa jkompli jaqa’ dan l-għar, xi ħaġa ta’ periklu għar-residenti tad-djar ta’ fuq l-għar, kif ukoll għan-nies tal-akkwati.
