Triq Sant’Anna fil-Furjana se tiġi riġenerata: L-ewwel fażi preżentata lir-residenti

Project Green qed tmexxi proġett ambizzjuż ta’ riġenerazzjoni f’Triq Sant’Anna fil-Furjana, fejn l-ewwel fażi tinkludi pedonalizzazzjoni parzjali, restawr tal-loġijiet u installazzjoni ta’ dawl sostenibbli

L-aġenzija Project Green kompliet bl-isforzi tagħha sabiex twettaq proġett ambizzjuż ta’ riġenerazzjoni fi Triq Sant’Anna, b’laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret taħt il-loġoġ stess tal-istess triq. Il-proġett se jara t-toroq jissaħħu b’mod li jiġu ritornati aktar lin-nies u lill-komunità Furjaniża.

L-ewwel fażi tal-proġett tinkludi trasformazzjoni parzjali tal-karreġġjata diretta lejn il-Belt Valletta f’żona pedonali, xogħlijiet ta’ restawr estensiv fuq il-loġoġ u installazzjoni ta’ dawl modern u sostenibbli. Dan kollu qed isir b’mod li jonora l-karattru storiku tal-inħawi, filwaqt li joħloq ambjent aktar ħaj u aċċessibbli.

Il-konsultazzjoni laqqgħet flimkien residenti, sidien ta’ negozji u uffiċjali minn Project Green, fejn ġew ippreżentati l-pjani u l-viżjoni tal-aġenzija. Il-Perit Beverley Costa, Chief Operations Officer ta’ Project Green, spjegat li l-karreġġjata se tiġi mżejna b’modular furniture, bħal bankijiet u pjanti, biex joħolqu spazji ta’ rikreazzjoni u jsaħħu l-identità urbana tat-triq.

Il-Perit Ruth Cassar Galea, li qed tmexxi l-proġett, saħqet fuq l-importanza tad-djalogu: “Meta nisimgħu l-esperjenzi tan-nies, inkunu f’pożizzjoni li noħolqu ambjent ta’ kwalità li jixraq lil kulħadd.”

Il-proċess ta’ konsultazzjoni laqa’ wkoll lill-istudenti tal-ħames u s-sitt sena mill-Kulleġġ ta’ San Ġorġ Preca li esprimew l-ideat tagħhom permezz ta’ tpinġijiet kreattivi, li tpoġġew għall-wiri waqt il-laqgħa.

Joseph Cuschieri, Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, spjega li qed isir studju tekniku tat-traffiku biex l-implimentazzjoni tal-pedonalizzazzjoni tkun ibbażata fuq dejta konkreta u fuq kollaborazzjoni ma’ Transport Malta.

Il-proġett ta’ Triq Sant’Anna hu parti minn aktar minn 120 proġett li Project Green qed timplimenta b’investiment ta’ madwar €350 miljun, bil-għan li kull ċittadin ikollu aċċess għal spazju miftuħ fi żmien 10 minuti mixi.

Il-Kunsill Lokali tal-Furjana, li ilu jaħdem id f’id ma’ Project Green, kien preżenti wkoll u wera appoġġ sħiħ għall-inizjattiva.

More in Socjali