Il-Parlament approva l-monitoraġġ elettroniku
Il-Parlament japprova r-Riforma għall-Monitoraġġ Elettroniku f’pass storiku għall-ġustizzja moderna f’Malta
.png)
More in Socjali
Il-Parlament japprova r-Riforma għall-Monitoraġġ Elettroniku f’pass storiku għall-ġustizzja moderna f’Malta
Il-Parlament approva b’mod uffiċjali liġi ġdida li tintroduċi sistema ta’ monitoraġġ elettroniku f’Malta, f’dak li l-Gvern qed jiddeskrivi bħala pass storiku lejn sistema ta’ ġustizzja aktar moderna, sigura u bbażata fuq bilanċ bejn il-protezzjoni tal-komunità u l-proċess ta’ riabilitazzjoni tal-ħatja.
Din is-sistema se tkun qed tintuża bħala alternattiva għad-detenzjoni tradizzjonali għal sentenzi qosra, taħt sena priġunerija, kif ukoll għal każijiet fejn diġà kien hemm proċessi bħal parole u prison leave. Il-monitoraġġ elettroniku – magħruf ukoll bħala “electronic tagging” – ser jidħol fis-seħħ b’mod gradwali fil-ġimgħat li ġejjin.
Skont il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, li ppreżenta l-liġi fil-Parlament, din ir-riforma tfakkar fil-viżjoni tal-Gvern li jpoġġi lill-vittma fiċ-ċentru tal-proċess ġudizzjarju, filwaqt li joffri triq ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà għal min ikun wettaq xi reat.
“Bħala Ministru ħdimt biex ma nagħmlux minn persuna vittma darbtejn,” qal Camilleri. “Din ir-riforma kienet akkumpanjata minn miżuri oħra bħal twaqqif tal-Aġenzija għall-Vittmi ta’ Kriminalità. Fl-istess waqt, qed inkomplu nsaħħu l-element ta’ riabilitazzjoni permezz ta’ għodod moderni li huma effettivi u ġusti.”
Il-liġi se tkun qed tgħin ukoll f’oqsma sensittivi bħall-appoġġ lil vittmi ta’ vjolenza domestika, fejn il-monitoraġġ elettroniku jista’ joffri protezzjoni akbar u kontroll fuq l-aġir ta’ persuni potenzjalment perikolużi. Skont il-Ministeru, dan se jsaħħaħ is-sens ta’ sigurtà fi ħdan il-komunitajiet, filwaqt li jitnaqqas ir-riskju ta’ reċidiviżmu f’ambjenti ikkontrollati.
Is-sistema l-ġdida se tkun immexxija minn apparat teknoloġiku ċentrali li diġà għadda mill-fażi ta’ installazzjoni u ttestjar. Għaddejja wkoll taħriġ intensiv lill-persunal u l-ħidma fuq l-infrastruttura teknika biex tiġi żgurata l-operazzjoni effettiva tagħha.
Din il-miżura – li kienet fost l-wegħdi elettorali tal-Gvern – hija mistennija ġġib bidla sostanzjali fil-mod kif jiġu amministrati ċerti każijiet kriminali, u tissarraf f’pass ieħor lejn sistema ġudizzjarja li tintegra teknoloġija moderna, elementi preventivi u riformi umani.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li filwaqt li dan hu pass kbir ’il quddiem, is-sistema ser tkun suġġetta għal evalwazzjoni kontinwa biex jiġi evitat kull forma ta’ abbuż u jiġi żgurat li r-rata baxxa ta’ kriminalità tibqa’ sostnuta.
“Din mhijiex biss liġi; hija għodda li tagħti ċertezza lill-komunità, tama lir-riabilitati, u għajnuna lill-vittmi,” qal il-Ministru.