It-tfal jitgħallmu dwar l-Unjoni Ewropea b’mod kreattiv waqt Skolasajf

Tfal minn diversi ċentri ta’ Skolasajf madwar Malta u Għawdex qed jipparteċipaw f’attivitajiet interattivi biex jitgħallmu dwar l-Unjoni Ewropea

Ritratti (DOI/MFI)
Ritratti (DOI/MFI)

Għat-tlettax-il sena konsekuttiva, tfal li jattendu Skolasajf qed jingħataw opportunità jitgħallmu dwar l-Unjoni Ewropea b’mod interattiv u pjaċevoli, permezz ta’ sessjonijiet imtella’ minn Europe Direct Valletta u Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi.

Fiż-Żurrieq, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, żar wieħed minn dawn iċ-ċentri, fejn iltaqa’ ma’ grupp ta’ tfal waqt attività dwar il-valuri u l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea. Hu kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa, u minn uffiċjali tal-Fondazzjoni.

It-tfal ipparteċipaw f’puzzles tematiċi marbuta ma’ suġġetti bħall-ambjent, ir-rispett, l-edukazzjoni u l-inklużjoni – kollha valuri fundamentali tal-UE. L-attività temmet b’messaġġ simboliku: “We are in this together.”

B’kollox, matul is-sajf qed isiru 25 sessjoni differenti f’diversi ċentri ta’ Skolasajf madwar Malta u Għawdex, li se jilħqu sa 400 tifel u tifla.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li hu kruċjali li t-tfal minn età żgħira jibdew jifhmu l-valuri tal-UE, fosthom l-għaqda u l-parteċipazzjoni. Huwa sostna li attivitajiet bħal dawn iressqu lit-tfal aktar lejn il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa, enfasizza l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi edukattivi, li saħaq li jkabbru fit-tfal is-sens ta’ identità Ewropea u jgħinuhom jikbru bħala ċittadini attivi u konxji tar-rwol tagħhom fl-Ewropa.

L-inizjattiva qed issir bl-appoġġ tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u qed tagħti valur miżjud lill-esperjenza ta’ Skolasajf bħala mixja edukattiva u ferrieħa għat-tfal.

More in Socjali