Id-Direttorat tal-Portijiet u l-Jottijiet fi ħdan Transport Malta javża li l-mużika trid tintefa sal-11 p.m. u li jrid jinżamm volum baxx meta dawn il-boat parties kummerċjali jkunu viċin żoni residenzjali.
Dawn ir-regolamenti joħorġu wara li numru ta’ residenti li jgħixu fejn il-kosta lmentaw fuq l-istorbju eċċessiv minn dawn il-boat parties mal-Uffiċċju tal-Ombudsman, tant li dan tal-aħħar spiċċa biex intervjena.
Ir-regoli li ħarġu nhar il-11 ta’ Lulju jsemmu b’mod partikolari l-boat parties kummerċjali għall-ewwel darba u jgħidu li kull mużika trid tintefa sal-11 p.m. Dawn il-boat parties viċin żoni residenzjali u żoni sensittivi b’mod ambjentali jridu jrażżnu l-volum skont miżuri rispettivi u li sound checks f’portijiet u bajjiet mhumiex permessi.
Transport Malta twissi li jekk dawn ir-regolamenti jinkisru, ħa tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet ikkonċernati.