L-Għaqda ReLeaf Malta li tissokta regolazzjoni sigura u sensibbli tal-kannabis f’Malta, qalet li qed tirċievi numru ta’ lmenti minn membri ta’ Cannabis Harm Reduction Associations (CHRAs) li mhux qed jipprovdu s-servizz li “ġie mwiegħed lura fl-2023”.
F’post fuq il-pjattaforma ta’ Facebook, l-Għaqda tkellmet fuq kif hemm xi nies li qed jaffaċċjaw problemi ta’ kwalità u dubji serji fuq it-trasparenza tal-operat. Hemm numru ta’ nies li qed isibu numru inkwetanti ta’ żerriegħa meta jixtru l-kannabis, kif ukoll oħrajn li qed ikollhom problemi ta’ moffa u nuqqas ta’ curing time.
L-ikbar problema u akkuża li l-Għaqda tagħmel fil-konfront ta’ dawn is-CHRAs hija li hemm min irrapporta li qed jinbiegħu l-fdalijiet misħuqa tal-kannabis għal prezz ridott. ReLeaf tgħid li din hi “regħba għall-flus” hekk kif hu diffiċli li wieħed ikun jaf xi tkun.
“Bħal donnu ma tantx imxejna ’l quddiem minn meta konna nixtru l-kannabis mingħand it-traffikanti fit-triq,” kitbet l-Għaqda.
L-Għaqda għalqet billi kkundannat lill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC). Qalet li dawn bidlu r-riforma bl-għan li tinħoloq ġustizzja soċjali għal skopijiet ekonomiċi. Barra minn hekk irrikonoxxiet li hemm CHRAs li għandhom għal qalbhom il-membri tagħhom.