Is-sidien tal-binja li waqgħet qed jikkunsidraw passi legali

Il-kumpanija Santumas Shareholdings plc, sidt żewġ proprjetajiet fil-blokka ta’ appartamenti magħrufa bħala Tania Flats fi Triq Paceville, li ġġarfit l-Erbgħa, qed tikkunsidra li tieħu passi legali biex tirkupra d-danni li sofriet

Ritratt: Matthew Farrugia/MaltaToday
Ritratt: Matthew Farrugia/MaltaToday

Fi stqarrija pubblika maħruġa l-Ħamis, Santumas qalet li “tirriżerva d-drittijiet legali kollha tagħha u se tipproċedi b’azzjoni legali skont il-każ u l-ħtieġa, sabiex tirkupra l-ħsarat kollha li sofriet minħabba dan l-inċident.”

Il-kumpanija kkonfermat li hija sidt ta’ maisonette fil-livell tal-art u l-appartament numru 1 eżatt fuqha, f’dik il-blokka li ġġarfet.

Santumas spjegat li kienet qed issegwi b’attenzjoni l-iżvilupp ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni fuq sit viċin li ma jappartjenix lilha, u għalhekk kienet ikkummissjonat rapporti tekniċi minn perit sabiex jevalwa l-istabbiltà tal-binja. Dawn ir-rapporti, datati 10 ta’ Ġunju, indikaw li l-istabbiltà strutturali tal-proprjetajiet tagħha kienet waslet f’punt “kritiku.”

B’reazzjoni immedjata, Santumas għarfit lill-awtoritajiet konċernati — fosthom l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), kif ukoll il-Korp tal-Pulizija — dwar is-sitwazzjoni. L-istess kumpanija kkomunikat ukoll direttament ma’ sidien u abitanti oħra fil-blokka, u talbithom biex jevakwaw b’mod immedjat.

Fit-12 ta’ Ġunju, ġie ppreżentat rapport ieħor lill-Pulizija minn rappreżentant tal-kumpanija flimkien mal-perit tagħhom u mal-perit tas-sit ta’ ħdejn.

Santumas faħħret il-professjonalità u d-dedikazzjoni tal-awtoritajiet li daħlu fil-każ, u esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-Pulizija għall-mod kif ħadu ħsieb is-sitwazzjoni u l-ħarsien tas-sigurtà pubblika.

Il-kumpanija ddikjarat li se tkompli tikkopera mal-awtoritajiet biex tgħin fl-investigazzjonijiet li għaddejjin u dawk li jistgħu jitniedu fil-futur. Santumas temmet tgħid li se toħroġ aktar informazzjoni f’waqtha, hekk kif ikunu magħrufa l-fatti kollha relatati mal-inċident.

More in Socjali