13,000 spezzjoni fuq prodotti fis-suq Malti

Matul l-2023, l-MCCAA wettqet aktar minn 13,000 spezzjoni fuq prodotti fis-suq Malti biex tiżgura s-sigurtà u l-kwalità tagħhom

Ritratt: OPM_PS
Ritratt: OPM_PS

Matul is-sena li għaddiet, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) wettqet aktar minn 13,000 spezzjoni fuq prodotti li jinsabu fis-suq Malti, bħala parti mill-impenn tagħha li tħares il-konsumatur u tiżgura li l-prodotti disponibbli jkunu siguri u ta’ kwalità għolja.

Dan ħareġ waqt l-ewwel żjara uffiċjali tal-Ministru Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, fil-kwartieri tal-MCCAA. Ellul faħħar il-ħidma tal-Awtorità u ddeskriviha bħala pilastru ewlieni tal-ġustizzja ekonomika u tas-sigurtà tal-konsumatur f’Malta.

Fid-diskors tiegħu, Ellul spjega li l-funzjoni tal-MCCAA tmur ferm lil hinn mill-ħarsien tal-konsumatur, u tinkludi wkoll superviżjoni fuq kompetizzjoni ġusta, regolamenti tekniċi, kif ukoll akkreditazzjoni u standards ta’ prodotti u servizzi. Dan sabiex f’Malta, il-konsumaturi jibqgħu jgawdu minn ambjent kummerċjali trasparenti u prodotti konformi mal-istandards Ewropej.

Il-verifiki mwettqa matul l-2023 kienu jinkludu prodotti li kienu ser jidħlu fis-suq kif ukoll dawk li diġà daħlu, kemm minn negozji fiżiċi kif ukoll minn bejgħ online. L-ispezzjonijiet kienu jinkludu testijiet, sorveljanza u valutazzjonijiet li jassiguraw li l-prodotti mhux biss jilħqu l-obbligi regolatorji iżda jkunu wkoll ta’ livell għoli ta’ sigurtà u affidabbiltà.

“L-MCCAA mhix biss regolatur – hija istituzzjoni nazzjonali li toffri servizzi essenzjali u li tibni fiduċja bejn il-konsumaturi u n-negozji,” qal Ellul. Huwa sostna li din il-ħidma hija wkoll parti mill-Viżjoni Malta 2050 u r-riformi nazzjonali favur amministrazzjoni pubblika moderna, diġitalizzata u effettiva.

Il-Ministru Parlamentari kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Carlos Tabone u ltaqa’ mal-impjegati tad-diversi dipartimenti tal-MCCAA, fejn ddiskuta l-isfidi u l-prijoritajiet tal-Awtorità għas-snin li ġejjin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCCAA, Carmen Ciantar, qalet li l-Awtorità se tkompli taħdem biex tiżgura li s-suq jopera b’mod ġust u trasparenti, li l-konsumaturi jibqgħu protetti u infurmati, u li l-prodotti fis-suq Malti jibqgħu jirriflettu l-ogħla standards ta’ kwalità u sigurtà.

Diskussjonijiet waqt iż-żjara rriferew ukoll għat-tranżizzjoni diġitali tal-Awtorità, il-bżonn ta’ infurzar aktar effiċjenti, u l-involviment kontinwu maċ-ċittadini u n-negozji sabiex il-MCCAA tibqa’ relevanti u effettiva f’realtà ekonomika li qed tinbidel kontinwament.

More in Socjali