AĠĠORNATA: 40 residenti evakwati minn proprjetajiet viċin dik li ġġarfet

Aktar residenti ġew evakwati minn żona residenzjali f’Paceville wara li bini ċeda ħdejn sit ta’ kostruzzjoni żviluppat minn Excel Developments

Ritratt: Maltese Roads Traffic Updates
Ritratt: Maltese Roads Traffic Updates

40 residenti ġew evakwati minn Paceville wara li binja f’Triq Paceville, San Ġiljan, ċediet tard l-Erbgħa filgħaxija ħdejn sit ta’ kostruzzjoni li qed jiġi żviluppat minn Excel Developments – kumpanija mmexxija minn Joseph Portelli, Mark Agius u Daniel Refalo. Skont l-awtoritajiet, 40 persuna ġew evakwati minħabba t-tħassib li bini ieħor fil-viċinanzi jinsab f’periklu serju ta’ kollass sħiħ jew parzjali.

L-OHSA, flimkien mal-BCA, il-Protezzjoni Ċivili, l-Unità tal-A&E tal-Isptar Mater Dei u l-Pulizija, qed iwettqu proċess ikkoordinat ta’ twaqqigħ ikkontrollat ta’ proprjetà li ġiet identifikata bħala instabbli, bil-għan li tiġi minimizzata kull ħsara potenzjali fuq proprjetajiet oħra jew persuni fil-viċinanzi.

Fi stqarrija maħruġa l-Ġimgħa filgħodu, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) qalet li, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA), qed tkompli ssegwi mill-qrib l-iżviluppi fuq is-sit. Bħala prekawzjoni, qed jitwettaq eżerċizzju ta’ evakwazzjoni għal aktar propjetajiet fil-viċinanzi, b’akkomodazzjoni alternattiva temporanja li qed tiġi offruta lir-residenti milquta.

BCA u OHSA jinsabu preżenti fuq il-post u qed jassistu lill-familji affettwati b’kull mezz possibbli. Għal min hu milqut, ġiet attivata helpline fuq in-numru 99097867.

Matul konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post, perit tal-BCA spjega li skont l-investigazzjonijiet preliminari, diversi binjiet oħra jistgħu jkunu f’riskju ta’ ħsarat strutturali gravi. Il-perit żvela li ġew installati sensuri mill-Protezzjoni Ċivili sabiex jiġu mmonitorjati l-movimenti tal-binjiet fil-viċinanzi. “Is-sitwazzjoni hija kritika,” qal, “peress li d-dejta tagħna tissuġġerixxi li hemm riskju reali ta’ kollass komplet jew parzjali ta’ binjiet oħra.”

Sadanittant, għaddejja operazzjoni ta’ evakwazzjoni f’Triq Ross, fejn ġew identifikati strutturi oħra f’periklu. L-awtoritajiet qed iwissu li t-toroq madwar Paceville jinsabu magħluqin u qed jappellaw lill-pubbliku biex jevita ż-żona.

Il-BCA kkonfermat li ġie magħżul kuntrattur privat biex ineħħi kull periklu fil-post, iżda bħalissa ma tistax tingħata skeda ta’ żmien għal meta l-periklu jkun imneħħi kompletament. Barra minn hekk, l-awtorità għadha ma setgħetx tikkonferma x’ikkawża eżattament il-kollass, iżda investigazzjoni interna għaddejja.

Ta’ min ifakkar li l-BCA kienet ordnat stop works fuq is-sit ftit sigħat qabel seħħ il-kollass, wara spezzjonijiet inizjali. L-ewwel grupp ta’ residenti kien evakwat f’dak il-ħin.

L-iżvilupp f’Paceville qed iqajjem mistoqsijiet serji dwar is-sigurtà tal-kostruzzjoni f’żoni residenzjali u dwar ir-responsabbiltà tal-iżviluppaturi. 

More in Socjali