Malta rikonoxxuta bħala mudell ta’ ġustizzja soċjali u xogħol dinjituż

Matul il-konferenza internazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol f’Ġinevra, Malta ġiet enfasizzata bħala eżempju ta’ kif leġislazzjoni effettiva tista’ tiggarantixxi kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi, b’mod partikulari fis-settur diġitali

Malta reġgħet ikkonfermat ir-reputazzjoni tagħha bħala pajjiż ta’ eżempju f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi. Dan ġie enfasizzat mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Dr Andy Ellul, waqt id-diskors tiegħu fil-konferenza internazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) f’Ġinevra.

Fil-preżenza tal-imsieħba soċjali Maltin, Dr Ellul tenna l-impenn tal-Gvern Malti li jibqa’ jpoġġi d-drittijiet tal-ħaddiema fil-qalba tal-politika soċjali, anke f’dinja li għaddejja minn trasformazzjonijiet ekonomiċi u teknoloġiċi kontinwi. Huwa semma b’mod partikolari l-passi konkreti li ħa l-Gvern Malti sabiex jirregola l-pjattaformi tax-xogħol diġitali – inizjattiva li tagħmel lil Malta fost l-ewwel pajjiżi fid-dinja b’regolamenti li jiggarantixxu pagi ġusti u li jindirizzaw l-isfruttament fis-settur.

“Malta rnexxielha tpoġġi qafas leġiżlattiv li jassigura kundizzjonijiet xierqa għal kull ħaddiem, anke f’setturi ġodda u dinamiċi bħal dak tal-platform work,” qal Dr Ellul fil-plenarja. “Dan mhux biss wera impatt pożittiv fuq il-ħaddiema tagħna, iżda anke għamel lil pajjiżna punt ta’ referenza għal oħrajn.”

Il-kontribut ta’ Malta ġie wkoll rikonoxxut matul laqgħat bilaterali li kellu Dr Ellul mal-Ministru tax-Xogħol ta’ Ċipru, Yiannis Panayiotou, u l-Ministru Litwana Inga Ruginienė. Matul dawn id-diskussjonijiet, ġie sottolineat kif Malta serviet ta’ ispirazzjoni għal pajjiżi ħafna ikbar tagħha fl-iżvilupp ta’ politiki dwar il-ħaddiema fuq pjattaformi diġitali.

“Jiena kburi li pajjiżi oħra Ewropej bħal Ċipru u l-Litwanja qed jersqu lejna biex jitgħallmu mill-esperjenza tagħna,” qal is-Segretarju Parlamentari. “Il-politiki li daħħalna ma kinux biss għal ġid tal-ħaddiema f’Malta, imma qed jagħtu direzzjoni għal approċċ aktar ġust u b’dinjità f’din l-era diġitali.”

Dan l-impenn ikompli jikkonferma l-pożizzjoni ta’ Malta bħala pajjiż li jippromwovi prattiki soċjali avvanzati, b’leġislazzjoni li tagħmel differenza konkreta fil-ħajja tan-nies, mhux biss lokalment imma anke fuq livell internazzjonali.

More in Socjali