Aġġornata : 12:03am
Parti kbira minn binja f’Triq Paceville waqgħet għal kollox. L-inċident, li seħħ għall-ħabta tal-10:30pm, seħħ fil-qalba tad-divertiment f’Paceville, viċin ta’ sit ta’ kostruzzjoni attiva li bħalissa qed jiġi skavat.
Minn informazzjoni li għanda din il-gazzetta jidher li fil-blokka ma kien hemm ħadd hekk kif iktar kmieni illum, in-nies ġew evakwati. Rapporti qed jindikaw ukoll li r-ristoranti tal-inħawi ġew mitluba biex jibqaw magħluqin għal lum.
L-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) kitbet fuq il-mezzi soċjali li diġà kienet ordnat is-sospensjoni tax-xogħlijiet fuq is-sit nhar it-Tlieta 10 ta’ Ġunju, wara li saru spezzjonijiet fuq il-post. Fi stqarrija, il-BCA spjegat li wara diskussjonijiet mal-periti involuti, instab li kien hemm periklu strutturali serju. B’konsegwenza ta’ dan, ġew infurmati l-Pulizija u ttieħdet id-deċiżjoni li l-binja tiġi evakwata immedjatament.
Il-puluzija kkonfermat li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.