Malta tgħaddi għall-finali tal-Eurovision wara tliet snin

Miriana Conte ħa sservi lill-pajjiż fil-finali bil-kanzunetta tagħha Serving

Miriana Conte
Miriana Conte

Wara tliet snin wara xulxin fejn il-pajjiż ma rnexxilux jikkwalifika għall-finali tal-Eurovision, Miriana Conte ħa sservi lil Malta bil-kanzunetta tagħha Serving, wara li tat prestazzjoni enerġetika l-Ħamis filgħaxija f’Basel.

Conte belhet kulm'hemm fl-arena ta' St Jakobshalle, fejn ikkontestiet bħala d-disa’ parteċipanta fis-semifinali. Il-prestazzjoni tagħha – li żammet il-bidla tal-kostum u l-blalen tal-ġimm – intemmet bil-kliem “DIVA NOT DOWN” miktub b’mod prominenti fuq il-palk.

Conte rnexxielha tħalli l-udjenza miblugħa biex tgħaddi lil Malta għall-finali tas-Sibt. L-aħħar darba li Malta rnexxielha tasal għall-finali kienet fl-2021 bis-saħħa ta’ Destiny.

Il-kanzunetta ta’ Conte qajmet ħafna kontroversja u fl-istess ħin qanqlet ħafna eċitament fost il-fans tal-Eurovision minħabba l-lirika provokattiva tagħha, li spiċċat kellha tinbidel wara deċiżjoni tal-EBU f’Marzu.

Il-finali tas-Sibt se tinkludi l-20 pajjiż li għaddew miż-żewġ semi-finali tat-Tlieta u l-Ħamis, flimkien mal-“Big Five” – Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit – kif ukoll il-pajjiż ospitanti, l-Iżvizzera.

Din hija s-69 edizzjoni tal-Eurovision.

Destiny, li rrappreżentat lil Malta fl-2021, kienet waħda mill-kantanti mistiedna l-Ħamis filgħaxija, wara li l-organizzaturi stiednu numru ta’ parteċipanti mill-edizzjoni tal-2020 li kienet tħassret minħabba l-pandemija.

More in Socjali