Titnieda l-ewwel edizzjoni ta' ‘The 10km L-Istrina Palace Run’

Maratona li tinkorpora t-tliet palazzi presidenzjali b’għan nobli

Il-President ta' Malta Myriam Spiteri Debono tindirriza l-konferenza (Ritratt: OPR)
Il-President ta' Malta Myriam Spiteri Debono tindirriza l-konferenza (Ritratt: OPR)

Inizjattiva ġdida b’risq il-Malta Community Chest Fund bl-isem L-Istrina Palace Run se tlaqqa’ lill-atleti minn madwar Malta u Għawdex għal maratona li fuq perjodu ta’ erba’ snin, ser ikunu inkorporati fiha t-tliet palazzi presidenzjali.

L-ewwel parti ta’ din il-maratona, ‘The 10km L-Istrina Palace Run’, se ssir nhar il-Ħadd 15 ta’ Ġunju u ser tkun mill-Kastell Verdala sal-Palazz Sant’Anton.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President Myriam Spiteri Debono, fissret din l-inizjattiva ġdida bħala parti minn kullana ta’ attivitajiet li permezz tagħhom dawk kollha li jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund ikunu megħjuna. 

Fi tmiem kull edizzjoni se jitqassmu midalji li flimkien se jgħaqqdu sett, bħala memorja storika. Dan minbarra premjijiet lill-ewwel tliet atleti fil-kategoriji rispettivi tagħhom. Din l-inizjattiva, li nibtet minn idea tal-Maġġur Richard Vassallo, se tiċċelebra wkoll il-wirt kulturali Malti waqt li jinġabru fondi importanti b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.

Il-Maġġur Richard Vassallo spjega li kien ilu jinħass il-bżonn li l-atleti jkollhom maratona ddedikata għalihom, li tikkumplimenta imma tkun inizjattiva separata mill-Mixja mal-President.

Fl-istess waqt innota li din il-maratona qed tkompli ssaħħaħ il-kultura u l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku fost il-Maltin u l-Għawdxin.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Joseph Micallef, veteran fl-organizzazzjoni tal-maratoni, li spjega kif ingħatat attenzjoni partikolari biex din il-maratona tilħaq l-ogħla standards, tant li parti minnha se tgħaddi minn rotot tal-Maratona ta’ Malta

More in Socjali