Il-Protezzjoni Ċivili assistiet lil Pulizija wara li ssejħu fl-Imtarfa fi Triq Alessi fl-Imtarfa għall-ħabta tan-12.30pm wara li numru ta' trakkijiet taż-żibel ħadu n-nar.
Ftit aktar minn sagħtejn wara, il-pulizija rċeviet rapport ieħor dwar iktar vetturi li ħadu n-nar fil-Manikata. Uffiċjali li waslu fuq il-post fi Triq il-Mellieħa sabu erba’ trakkijiet taż-żibel ipparkjati li lkoll inħakmu minn nar.
Ħadd ma weġġa’ fi kwalunkwe inċident, qal kelliem tal-pulizija.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ħatar inkjesta dwar iż-żewġ każijiet, filwaqt li l-Pulizija qed tinvestiga.