ADPD: Proposta li tiswa biss għal min qed iħaxxen butu

Kelliema għall-ADPD inġabru biswit il-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera Lines u indirizzaw il-proposta ta' “bini ta' triq li twassal għal Smart City u li se tibla’ 80 elf metru kwadru ta' art.”

Waqt konferenza stampa, kelliema għall-ADPD-The Green Party iltaqgħu biswit il-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera Lines u indirizzaw il-proposta ta' “bini ta' triq li twassal għal Smart City u li se tibla’ 80 elf metru kwadru ta' art.”

Id-deputat segretarju ġenerali ta’ ADPD Mario Mallia sostna li f'pajjiż li qed iżid 30 karozza kuljum fit-toroq tiegħu, l-aħħar ħaġa li jrid jagħmel huwa li jkompli jsostni din iż-żieda flok ma jinvesti fi ppjanar għal trasport alternattiv.  

ADPD taqbel mal-proposti tal-Friends of the Earth li ssuġġerew trasport bil-baħar bejn il-Belt, Bormla u Smart City milli t-teħid ta' iktar art agrikola. 

Meta ġie inawgurat il-kumpless kummerċjali fix-ShoreLine fi Smart City stess, il-prim ministru rringrazzja lill-investituri tax-Shoreline li pprovdew ambjent fejn il-familji jistgħu iqattghu ħin ta' kwalita`.  Jekk għal prim ministru, ħin ta’ kwalita’ mal-familja jfisser ħin f’kumpless kummerċjali, mela mhux qed naqblu mad-definizzjoni ta’ ħin ta’ kwalita’.  Dan, tenna 

Mallia rrefera għal meta l-Prim Ministru Robert Abela awgura l-kumpless kummerċjali u stqarr li "it-tfal u l-familji ta’ Malta għandu jkollhom il-jedd li l-ħin ta' kwalita` iqattgħuh fl-arja u l-ftuħ mhux fl-għeluq ta' kumpless kummerċjali f'binja li serqet biċċa oħra mit-tgawdija tal-kosta mill-pubbliku." 

Għaldaqstant, ADPD tipproponi li l-park ta' San Klement jiġi estiż u jkompli tul il-Cottonera Lines kollha bir-rijabilitazzjoni tal-fortifikazzjonijiet. 

“Il-flus ta' Project Green m'għandhomx jintefqu biex ipattu, b'mod imqanżah, għal spazji miftuħa li qed jinbelgħu minn iktar bini u toroq, imma għandhom jintużaw biex l-ispazji miftuħa jiġu ndukrati,” temm jgħid Mallia.

Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet li l-bini ta' din it-triq se sservi biss biex taqdi lil min minn Smart City qed iħaxxen butu. 

“Ta’ min jgħid li fil-Project Description Statement oriġinali ta’ Smart City li kien ġie ppreżentat lill-Parlament fl-2007, il-bini ta' residenzi kellu jkun limitat biex jaqdi l-ħaddiema li kellhom jiġu impjegati fi Smart City.  Iżda bħal ma ġara fil-każ tal-isptarijiet, flok ma l-gvern ħa lura l-art pubblika wara li l-kuntratt ma ġiex onorat u Smart City ma saritx, il-gvern innegozja din l-art pubblika biex tiġi spekulata għal bini ta' residenzi lussuzi.” 

Gauci fakkret fl-ispekulazzjoni rampanti fi Smart City, fl-applikazzjoni għal 69 villa taħt Santu Rokku biswit Smart City, kif ukoll li l-inħawi se jaraw ir-rilokazzjoni tal-Universita` Amerikana ta' Malta (AUM) wara li dawn, b’mod skandaluż, ingħataw art verġni fiż-Żonqor Marsaskala mill-gvern ta' Joseph Muscat. Hija fakkret ukoll ir-rilokazzjoni tal-ITS li ġiet ttrasferita mill-bajja ta' San Ġorġ biex tagħmel spazju għall-iżvilupp tad-DB.  

"Dan kollu juri gvern iddaħħal fil-but mill-interessi finanzjarji bi skaptu tal-interessi taċ-ċittadini li jibqgħu jittewbu u jaraw l-art pubblika titnaqqrilhom bis-sigħat" tenniet Gauci.  

More in Socjali