Investiment f’impjant ġdid fil-Biċċerija għall-produzzjoni tal-mazzit

Permezz ta’ permess regolatorju miksub mill-Biċċerija, kull produttur tal-mazzit li jaħdem dan il-prodott fil-Biċċerija jista’ jbiegħ il-mazzit tiegħu minn kwalunkwe stabbiliment

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar li permezz ta’ impjant ġdid se naraw diversifikazzjoni fil-prodott lokali, hekk kif fil-Biċċerija Pubblika se jibda’ jinħadem il-mazzit.

Permezz ta’ dan l-investiment beda jopera impjant modern li jippermetti li d-demm li jintuża għall-mazzit jinġabar b’mod iġeniku, skont l-ogħla standards Ewropej, u r-raħħala, ħwienet jew proċessuri tal-laħam issa se jkollhom aċċess għal dan l-ingredjent.

Refalo qal li "Skont il-liġi, ħwienet tal-laħam li jipproduċu l-mazzit ma setgħux ibiegħu lil negozji oħra, u għalhekk dan kien qed jillimita l-possibbiltà li l-prodott jintuża minn ristoranti u stabbilimenti tal-ikel, kif ukoll minn supermarkets u stabbilimenti simili. Permezz ta’ dan l-investiment, u l-permess regolatorju miksub mill-Biċċerija, issa kull produttur tal-mazzit li jaħdem dan il-prodott fil-Biċċerija jista’ jbiegħ il-mazzit tiegħu minn kwalunkwe stabbiliment.”

Min-naħa tiegħu, Stefan Cachia, Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika spjega kif l-għan aħħari ta’ dan l-impjant fil-Biċċerija Pubblika huwa li jkun aċċessibbli għal min għandu n-negozju tiegħu, fejn ikun jista’ jipproduċi l-mazzit.

Refalo temm jgħid, “Dan is-servizz, flimkien ma’ oħrajn jippermettu lill-privat, fosthom raħħala, proċessuri, bejjiegħa tal-laħam u anki ristoranti u stabbilimenti tal-ikel, biex ikomplu jiddiversifikaw il-prodott lokali li joffru.”

More in Socjali