Malta bi provvista ta’ għajnuna umanitarja għall-poplu Palestinjan f’Gaża

Permezz tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jintbagħtu provvisti tal-ikel, ilma u mediċini għal poplu f'Gaża

Malta se tibgħat għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan f’Gaża.

Permezz tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jintbagħtu provvisti tal-ikel, ilma u mediċini għal poplu li bħalissa qed jaffaċċja diffikultajiet kbar biex jaċċessa dawn ir-riżorsi importanti.

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri żaru l-aħħar tħejjijiet tal-operazzjoni fl-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Ħal Far biex tkun tista’ tintbagħat l-għajnuna. 

Huma ngħataw tagħrif kif permezz tal-ftehim tal-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili Ewropew, Malta se tkun qed tagħti l-għajnuna biex ikun assigurat li din tispiċċa għand il-poplu Palestinjan f’Gaża.

Abela rrimarka kif Malta tibqa’ tkun vuċi favur id-djalogu u l-paċi u tenna l-pożizzjoni ta’ pajjiżna favur waqfien mill-ġlied b’mod permanenti. Qal li dik il-vuċi nibqgħu nwassluha f’kull fora lil hinn minn xtutna għax twassal il-ġid għall-umanità. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li pajjiżna se jibqa’ jkun solidali ma’ popli oħra fi żmien diffiċli mhux biss kif sar permezz ta’ operazzjonijiet barra minn pajjiżna minn uffiċjali Maltin fit-Turkija, fil-Greċja u fil-Libja, iżda wkoll b’għajnuna mibgħuta kif se jseħħ issa.

Preżenti kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta Fadi Hanania, li rringrazzja lill-Gvern Malti tal-kontribut tiegħu mhux biss favur il-paċi iżda wkoll f’għajnuna umanitarja u solidarjetà.

More in Socjali