NCPE tgħid li l-għażla ta' xufiera nisa mhijiex diskriminatorja

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) saħqet li l-kategorija ġdida Women+ ta' eCabs mhijiex diskriminatorja imma ġusta

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE), qalet li passiġġieri femminili jagħżlu xufier mara mhuwiex diskriminatorju. 

L-istqarrija tgħid li  L-Artikolu 6 tal-Avviż Legali 181 tal-2008, li jkopri d-diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, jgħid li: “Bil-għan li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa, il-prinċipju ta’ trattament indaqs m’għandu jżomm lil ebda persuna milli żżomm jew tadotta miżuri speċifiċi biex tipprevjeni jew tikkumpensa l-iżvantaġġi marbutin mas-sess.” 

L-NCPE tisħaq li biex tinkiseb ugwaljanza vera fis-soċjetà rridu nagħrfu li gruppi soċjali differenti jesperjenzaw bżonnijiet u sfidi differenti minħabba l-inugwaljanzi strutturali li ilhom jeżistu. 

“..L-eżistenza u l-esperjenza ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru hija eżempju ċar ta' tali differenza. Filwaqt li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jistgħu jesperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru tagħhom, in-nisa huma f’riskju ferm akbar ta’ vjolenza bħal din kemm fl-isfera domestika kif ukoll f’dik pubblika.”

L-NCPE tistqarr li titratta lil kull individwu l-istess meta tipprovdi s-servizzi, tkun qed tinjora l-isfidi li jesperjenzaw dawk il-persuni minħabba l-ġeneru tagħhom, u b’hekk issaħħaħ l-inugwaljanzi aktar milli tevita d-diskriminazzjoni. 

“Provvista ta’ servizz li tfittex li toħloq spazji aktar siguri għan-nisa u l-bniet qiegħda sempliċiment tagħraf li n-nisa u l-bniet, f’ċerti sitwazzjonijiet, għandhom it-tendenza li jħossuhom inqas siguri mal-irġiel minħabba l-esperjenza soċjali reali ħafna ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, speċjalment jekk għaddew minn esperjenzi personali ta’ din il-vjolenza,” qalet l-NCPE. 

Riċentament, il-kumpanija eCabs niedet kategorija ġdida ta’ servizz għall-mara li jissaportja xufiera nisa u fl-istess ħin joffru sigurtà lill-passiġġier. 

Il-kategorija l-ġdida, Women+, tagħti l-għażla biex passiġġiera nisa jagħżlu xufiera nisa wkoll. 

ix-xufiera nisa għandhom l-għażla li jirrifjutaw passiġġiera rġiel fuq Women+ mingħajr ebda konsegwenzi.

More in Socjali