Servizzi tal-Awtorità tal-Artijiet aktar aċċessibbli għall-bdiewa

Dawk il-bdiewa li għandhom bżonn is-servizzi tal-Awtorità tal-Artijiet se jingħataw għajnuna mill-Pitkalija stess permezz tal-uffiċċju tal-AgriConnect f’Ta’ Qali, mingħajr il-bżonn li jżuru l-uffiċċju tal-Awtorità, il-Belt

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali li se jwassal sabiex il-bdiewa jiġu provduti servizzi relatati mal-Awtorità tal-Artijiet b’mod aktar aċċessibbli għalihom.

Dawk il-bdiewa li għandhom bżonn is-servizzi tal-Awtorità tal-Artijiet se jingħataw għajnuna mill-Pitkalija stess permezz tal-uffiċċju tal-AgriConnect f’Ta’ Qali, mingħajr il-bżonn li jżuru l-uffiċċju tal-Awtorità, il-Belt.

Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-għan ewlieni ta’ dan il-ftehim huwa li jintlaħqu aktar bdiewa u raħħala u permezz ta’ hekk iwasslu s-servizzi tal-Awtorità b’aktar konvenjenza u kumdità.

Zrinzo Azzopardi spjega kif fost dawn is-servizzi, l-Awtorità se tkun qed toffri informazzjoni fuq ċens jew qbiela, u għajnuniet oħra, kif ukoll se tassistihom fil-mili ta’ applikazzjonijiet.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo saħaq li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern qed jara li jkompli jiffaċilita bl-aħjar mod ħidmet il-bdiewa Maltin u Għawdxin, sabiex dawn jiġu offruti l-aħjar servizzi mingħajr ebda intoppi żejda.  

Fost l-applikazzjonijiet li tipproċessa l-Awtorità tal-Artijiet hemm dawk fuq trasferiment ta’ art agrikola, applikazzjonijiet fuq artijiet agrikoli li bħalissa qed jintużaw bħala barrieri, u applikazzjoni fuq ċnus li skadew jew li waslu biex jiskadu, fost oħrajn.

Dan is-servizz se jkun qiegħed jingħata b’appuntament billi wieħed iċempel l-Hub tal-AgriConnect fuq 21804981/2/4

More in Socjali