Titnieda l-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali u Ċentri Amministrattivi Għawdxin

L-iskema tkopri sa’ 85% tal-ispejjeż, massimu ta’ €15,000 għal restawr fuq niċeċ, statwi jew monumenti storiċi oħra u massimu ta’ €75,000 fuq riġenerazzjoni ta’ sqaqien

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali u Ċentri Amministrattivi Għawdxin li se tinkludi wkoll l-isqaqien.

Din l-iskema tippermetti lill-Kunsilli Lokali u Ċentri Amministrattivi Għawdxin sabiex jidentifikaw u jipproponu  restawr ta’ binjiet żgħar jew monumenti immobbli oħra li jeħtieġu preservazzjoni. Dawn jinkludu fost l-oħrajn statwi, niċeċ u monumenti storiċi oħra, kif ukoll strutturi u siti storiċi oħra, li għandhom valur storiku, arkitettoniku u artistiku.

“Din is-sena ġie deċiż li nwessgħu l-iskema aktar sabiex nilħqu aspetti usa’ tal-karattru distint Għawdxi. Kien għalhekk ... li qed inżidu wkoll l-isqaqien,” stqarr il-Ministru Camilleri.

Din l-iskema, amministrata mid-Direttorat Eko-Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ser tassisti lil dawn l-entitajiet iwettqu l-interventi permezz ta’ għotja finanzjarja, sa massimu ta’ 85% tal-ispejjeż. 

F’każijiet fejn l-intervent ser ikun restawr fuq niċeċ, statwi jew monumenti storiċi oħra, l-iskema ser tkopri sa’ massimu ta’ €15,000.

Fil-każ fejn ser jiġu riġenerati sqaqien, fejn l-interventi jridu jilħqu diversi kriterji fosthom l-użu ta’ materjal sostenibbli u li jirrispetta l-karattru, kif ukoll miżuri li jħarsu l-ambjent, l-għajnuna titla’ sa massimu ta’ €75,000.   

Il-Ministru Camilleri temm billi ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali Għawdxin sabiex jieħdu din l-opportunità u jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom biex huma wkoll ikunu parti minn din il-mixja.

L-iskema hija amministrata u esegwita mid-Direttorat Eko-Għawdex mill-fażi inizjali tal-ippjanar sal-ħarsien tal-implimentazzjoni tal-proġett propost. Il-proġetti magħżula għandhom jitwettqu matul iż-żmien li ġej fejn il-massimu permissibbli tal-implimentazzjoni hija s-sena 2026.

Il-Kunsilli Lokali u ċ-Ċentri Amministrattivi li huma eliġibbli għal din l-iskema għandhom sa nhar il-Ġimgħa, 3 ta' Mejju 2024 biex jissottomettu l-proposti tagħhom.

More in Socjali