Il-helpline 1579 jirċievi medja ta’ 21 telefonata kuljum

Minn mindu tnieda l-helpline b’xejn li joffri servizz erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, saru total ta’ 9,873 telefonata, b’medja ta’ 7,665 telefonata fl-2023 

 

Il-linja 1579 wieġbet kważi 10,000 telefonata minn meta bdiet fl-aħħar tal-2022. 

Jirrispondu għall-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM, il-Ministeru tas-Saħħa qal li minn Novembru 2022 sar-raba’ ġimgħa ta’ Frar 2024 ċemplu 9,873 telefonata. 

In-numri juru li minn Jannar sa din il-ġimgħa saru 1,113 telefonata, filwaqt li fix-xhur ta’ qabel saru 7,665 telefonata. 

Dan ifisser li l-linja tat-telefown 1579, li topera kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd f’kull ħin, tirċievi medja ta’ 21 telefonata kuljum. 

Il-Ministeru wieġeb ukoll li l-ansjetà, il-problemi marbuta mad-dipressjoni, is-solitudni, u problemi oħra ta’ diffikultajiet f’relazzjonijiet man-nies ta’ madwarhom, kienu l-iktar raġunijiet wara dawn it-telefonati. 

F’Diċembru li għadda, dokumentarju maħdum mill-fakultà tas-Social Wellbeing tal-Università ta’ Malta, bit-titlu ‘Il-Ġerħa tas-Solitudni – it-tieni edizzjoni’ illustra tajjeb l-istejjer ta’ numru ta’ persuni ġejjin minn diversi aspetti tal-ħajja li esperjenzaw is-solitudni. 

Minn stħarriġ tal-istess proġett ħareġ li bosta individwi jesperjenzaw sens ta’ solitudni u ansjetà l-iktar fi żmien il-festi.  

Minn dan l-istudju rriżulta li aktar min-nofs tal-individwi li kienu ġew intervistati għall-fini ta’ dokumentarju abbażi ta’ riċerka, instab li iktar minn nofshom (54%) ibatu minn sens ta’ solitudni.  

Dan l-istudju kien twettaq ma’ individwi ta’ 11-il sena ’l fuq. Minnu rriżulta li l-iktar persuni affettwati minn din il-problema li jħossuhom waħedhom huma dawk ta’ bejn il-11 u d-19-il sena.  

More in Socjali