Frank Fabri jinħatar bħala Kap Eżekuttiv tal-Aquatic Resources Malta

Frank Fabri okkupa diversi pożizzjonijiet fosthom il-kariga ta' Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni

Frank Fabri għadu kemm ġie maħtur bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Aquatic Resources Malta, entità ġdida li ġiet imwaqqfa f’Novembru tal-2023. Fi ħdan din l-entità, qegħdin jiġu żviluppati proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fis-sajd u l-akwakultura b’investiment ta’ aktar minn €10 miljun.

Fabri huwa ggradwat fl-edukazzjoni u b’dottorat fit-tmexxija, b’esperjenza fi rwoli ta’ tmexxija u tal-amministrazzjoni ta’ kważi ħmistax-il sena. Okkupa diversi pożizzjonijiet inkluż Direttur, Direttur Ġenerali, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni kif ukoll l-ewwel Maniġer Ġenerali fl-iskola tat-taħriġ  fl-ITS li fetħet sena ilu. 

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said ferħet lil Fabri għall-irwol ġdid li ngħata f’din l-entità.

Tenniet tgħid li Fabri għandu esperjenza twila fl-implimentazzjoni ta’ diversi proġetti li ġew fdati lilu. Qalet ukoll li l-Aquatic Resources Malta għandha rwol kruċjali fit-tkabbir tal-blue economy f’pajjiżna, kif ukoll toffri opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ li jixtiequ jispeċjalizzaw fi xjenzi marittimi.

More in Socjali