Ix-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv jinsabu fi stadju avvanzat

Iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv huwa mifrux fuq medda ta’ madwar 5,000 metru kwadru u se jkun mgħammar b’diversi faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell u pixxina ta’ daqs Olimpiku fost l-oħrajn

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fil-Belt Victoria, li issa jinsabu fi stadju avvanzat. Ladarba jitlesta dan iċ-Ċentru se jibda jissejjaħ Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion. 

Iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv huwa mifrux fuq medda ta’ madwar 5,000 metru kwadru u se jkun mgħammar b’diversi faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell u pixxina ta’ daqs Olimpiku fost l-oħrajn.

Il-Ministru Camilleri stqarr li "Wasalna fl-aħħar xogħlijiet fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ta’ Għawdex fejn issa għandna x-xogħol tal-elettriku kważi kollu lest, il-kostruzzjoni hija kollha lesta, għaddejjin bil-finishings, bl-installazzjoni tal-aperturi u għall-Marzu se jkun qed isir it-testing tal-pixxina li hija ta’ daqs Olimpiku," filwaqt li wiegħed li din is-sena se jibda jitgawda mill-pubbliku. 

Ix-xogħol fuq il-faċċata tal-faċilità se jibda f'Marzu, wieħed mill-ikbar investimenti u l-ikbar investiment sportiv li qatt ra Għawdex. 

Camilleri temm jgħid li jħares ’il quddiem sabiex jitlesta l-proġett u l-isportivi Għawdxin jingħataw faċilità mill-aqwa, kif ukoll li joffri opportunitajiet oħrajn ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali u nazzjonali f’Għawdex u li jattira wkoll turiżmu sportiv.

Min-naħa tiegħu, l-Perit Godwin Sultana responsabbli mill-proġett spjega li x-xogħlijiet qegħdin jipprogressaw b’mod tajjeb, filwaqt li spjega li x-xahar id-dieħel se jibda jsir l-ittestjar fuq din il-faċilità sabiex wieħed jiżgura l-funzjonalità u d-durabilità ta’ dan l-ikbar Ċentru Sportiv f’Għawdex.

More in Socjali