NSO jinnota żieda f'skart li ġej mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ fl-2022

Skont ċifri ppubblikati mill-NSO l-ogħla żidiet dehru fl-iskart minerali mhux perikoluż li ġej mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ (87,043 tunnellata)

Is-sena 2022 rat żieda sinifikanti fl-iskart solidu mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ, kif ukoll żieda fl-iskart domestiku.

Skont ċifri ppubblikati mill-NSO, Malta ġġenerat total ta’ 2.6 miljun tunnellata ta’ skart solidu fl-2022, dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 4.4% meta mqabbel mal-2021.

L-iskart perikoluż żdied b'6.1%, filwaqt li l-iskart mhux perikoluż ra żieda ta' 4.4%.

Ġew osservati żidiet notevoli fi skart minerali mhux perikoluż mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ, kif ukoll skart domestiku u skart simili. Mill-banda l-oħra, kien hemm tnaqqis ta’ residwi ta' għażla mhux perikolużi u ħama li jirriżulta mit-tisfija tad-drenaġġ.

L-akbar tnaqqis, li jammonta għal 4,188 tunnellata (10.9 %) kien irreġistrat fil-ġbir tal-iskart miċ-ċentri għall-iskart goff, segwit mill-ġbir tal-iskart organiku bʼ2,678 tunnellata (11.5 %). It-tnaqqis mill-ġbir tal-boroż griżi/ħodor u mill-bring-in sites ammonta għal 422 tunnellata (1.5 %) u 265 tunnellata (7.3 %), rispettivament. 

It-trattament tal-iskart kien jammonta għal 2.5 miljun tunnellata fl-2022, żieda ta’ 6.1% fuq is-sena ta’ qabel.

 L-istatistika turi wkoll li kienu rreġistrati żidiet fl-iskart li daħal fl-istazzjon tat-trasferiment tal-iskart f’Tal-Kus (Għawdex) (374 tunnellata), fl-Impjant tat-Trattament Mekkaniku-Bijoloġiku tat-Tramuntana ta’ Malta (8,862 tunnellata) u fl-Impjant tat-Trattament tal-Iskart ta’ Sant’Antnin (3,172 tunnellata). 

Barra minn hekk, dehret żieda ta’ 5.1 % jew 15,052 tunnellata għall-iskart li ntrema fil-miżbla tal-Għallis. 

B’kuntrast, l-iskart li kien inċinerat fil-Faċilità għat-Trattament Termali tal-Marsa niżel b’5.6 % jew 312-il tunnellata. 

L-akbar ammont taʼ skart trattat fʼMalta kien dak minerali. Fl-2022, ir-radam tal-iskart minerali mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ naqas b’9.3 fil-mija jew 69,181 tunnellata.

Ir-riċiklaġġ għal din il-kategorija ta’ skart tela’ bi 17.9 fil-mija jew 211,010 tunnellati. 

Fl-2022, ir-rimi fil-baħar ta’ skart minerali żdied b’2,244 tunnellata, filwaqt li r-radam ta’ skart minerali ieħor naqas b’1,286 tunnellata.

Il-ġbir separat tal-frazzjonijiet tal-iskart esperjenza tnaqqis fil-biċċa l-kbira, ħlief għall-ġbir tal-ħġieġ bieb bieb, li ra żieda żgħira ta’ 0.9%.

More in Socjali