Moviment Graffitti: Malta m'għandhiex tgħin jew tħeġġeġ il-ġenoċidju

l-għaqda mhux governattiva tikkundanna bis-sħiħ il-konsiderazzjoni ta’ Malta li tingħaqad mal-Operazzjoni Aspides li tmur kontra kull prinċipju kostituzzjonali tan-newtralità u paċi

Il-Moviment Graffitti (MG) jikkundanna bis-sħiħ il-konsiderazzjoni ta’ Malta li tingħaqad mal-Operazzjoni Aspides, missjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-Baħar l-Aħmar. 

Dan intqal minn MG fi stqarrija stampa fejn l-għaqda mhux governativva saħqet li “kull parteċipazzjoni f’din l-operazzjoni tmur kontra kull prinċipju kostituzzjonali tan-newtralità u paċi. Dan filwaqt li tgħin il-kummerċ jerġa’ jibda qisu mhu xejn mal-Iżrael, stat li qed jikkommetti ġenoċidju b’mod attiv.”

L-għaqda tindirizza lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg, u lill-Prim Ministru Robert Abela, biex jiżguraw li Malta ma tkunx parti mill-Operazzjoni Aspides.

Mil-banda l-oħra, l-għaqda tappella ukoll lill-Gvern biex flok “jipparetċipa f’attivitajiet militari - juża l-isforzi tiegħu għar-restawr ta’ rotta kummerċjali sigura fil-Baħar l-Aħmar .... u jaħdem għal waqfien mill-ġlied permanenti u t-tmiem tal-ġenoċidju mill-Iżrael fuq il-Palestinjani f’Gaża.”

F'Novembru tal-2023, b'reazzjoni għall-attakki f'Gaża, Ansarullah (Moviment Houthi) beda’ jattakka vapuri kummerċjali li kellhom x’jaqsmu ma' kumpaniji Iżraeljani. Riżultat ta’ dan, il-Houthi insista li qabel ma tingħata l-għajnuna umanitarja lil gaza u l-Iżrael jwaqqaf l-attakki tiegħu, dan il-moviment mhux se jieqaf. 

Dan l-att ta’ reżistenza ħarbat 12% tal-kummerċ globali, b’95% tar-rotot li kellhom jieħdu triq oħra li qed iwassal għal dewmien fit-traġitt, “ġieli anke sa 30 ġurnata aktar mis-soltu, spejjeż ogħla fl-esportazzjoni, u divestiment mill-Iżrael. OCCL u Evergreen, żewġ aġenti kbar, ħabbru pubblikament li mhux se jaċċettaw aktar merkanzija Iżraeljana, b’numru kbir ta’ aġenti oħra jissospendu r-rotot li normalment jgħaddu mir-reġjun” stqarretl-għaqda.

L-għaqda kompliet tgħid li minkejja pajjiżi tal-Punent kien dgħajjef lejn Gaza, u ta’ oħrajn kien rispons attiv, xorta waħda fixkel ir-rotot tal-kummerċ. 

Moviment Graffiti saħaq li għalkemm l-UE ma appoġġjatx għal kollox din l-operazzjoni, l-istati membri tal-UE approvaw il-’Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni fil-Baħar l-Aħmar,’ operazzjoni militari li tassigura protezzjoni lill-bastimenti tal-merkanzija billi jinterċettaw attakki kontrihom.

Dan ra l-kontribut ta’ vapuri Taljani u missili ggwidati, aircraft carrier tal-Istati Uniti u vapuri Ġermaniżi għad-difiża tal-ajru. Dawn il-bastimenti armati b'armi avvanzati ħafna qed jagħmlu triqthom lejn il-Baħar l-Aħmar biex ppoġġjaw il-kummerċ Iżraeljan u jfixklu r-reżistenza kontra l-ġenoċidju ta' Iżrael.

Fl-aħħar tal-istqarrija, l-għaqda titlob sabiex “Malta tagħmel l-almu tagħha biex twaqqaf din l-eskalazzjoni ta’ vjolenza milli sseħħ u tiżgura li l-ebda riżorsa Maltija ma jkollha involviment f’din l-operazzjoni.”

“Malta m'għandhiex tgħin jew tħeġġeġ il-ġenoċidju, la b’mod dirett jew lanqas bi prokura.”

More in Socjali