Proposta triq li tgħaqqad Ħaż-Żabbar ma’ Smart City

Ix-xogħlijiet fit-toroq se jsiru fuq medda ta’ art estensiva ta’ 80,000 metru kwadru mill-Bieb ta’ Notre Dame f’Ħaż-Żabbar, tgħaddi tul is-swar tal-Kottonera, imbagħad taqsam lejn il-Kalkara fejn tgħaddi mill-Kunvent tal-Kapuċċini u finalment testendi lejn Smart City

Transport Malta ppreżentat pjanijiet ġodda għall-ħolqien ta’ triq ġdida li tgħaqqad Ħaż-Żabbar ma’ Smart City; il-pjanijiet il-ġodda jinvolvu twessigħ ta’ passaġġi eżistenti fil-viċinanzi tal-Kottonera u fortifikazzjonijiet oħra fiż-żona.

Ix-xogħlijiet fit-toroq se jsiru fuq medda ta’ art estensiva ta’ 80,000 metru kwadru mill-Bieb ta’ Notre Dame f’Ħaż-Żabbar, tgħaddi tul is-swar tal-Kottonera, imbagħad taqsam lejn il-Kalkara fejn tgħaddi mill-Kunvent tal-Kapuċċini u finalment testendi lejn Smart City.

L-aktar bidla drastika tinvolvi l-ħolqien ta’ triq kompletament ġdida miż-żona qrib il-Bastjun ta’ San Louis, li testendi lejn il-Grigal biex tiltaqa’ mat-triq li tagħti lejn il-Kunvent tal-Kapuċċini. Din il-medda bħalissa tinkludi art agrikola, siġar u ħitan tas-sejjieħ ħoxnin fuq medda ta’ 155m u żona ta’ madwar 3,200sq.m.

Il-ftehim ma’ Smart City dwar ir-rilokazzjoni tal-kampus tal-Università Amerikana ta’ Malta miż-Żonqor, jinkludi obbligu fuq il-Gvern li jibni triq ġdida ta’ konnessjoni li tgħaqqad Bieb is-Sultan f’Ħaż-Żabbar, mal-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara. Kif propost, it-triq se tkun tikkonsisti f’karreġġjata waħda f’kull direzzjoni/

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għadha qed teżamina l-proġett u talbet lil TM biex tippreżenta dikjarazzjoni tal-iżvilupp tal-proġett biex tiddetermina jekk hemmx bżonn ta’ Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali. Fis-sottomissjonijiet preliminari tagħha l-ERA rrakkomandat li t-triq il-ġdida li tgħaqqad Triq Trejqet ta’ Fata u Triq Liberata għandha ssegwi kemm jista’ jkun il-kontorni eżistenti “biex jiġi minimizzat l-impatt fuq il-pajsaġġ rurali”. Sejħet ukoll biex titneħħa t-triq il-ġdida li hija ppjanata li tevita r-roundabout proposta fi Triq il-Missjoni Taljana.

Is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali għadha qed tanalizza l-pjanijiet. Iżda kull xogħlijiet approvati qrib is-swar għandhom jiġu mmonitorjati u soġġetti għal garanzija bankarja.

More in Socjali