Bdiet topera l-għassa l-ġdida tal-pulizija f’Wied il-Għajn

Hekk kif ikompli l-programm ta’ investiment fil-komunità mill-Korp tal-Pulizija, bdiet topera l-għassa l-ġdida tal-pulizija f’Wied il-Għajn

Bdiet topera l-għassa l-ġdida tal-pulizija f’Wied il-Għajn, li nbniet apposta skont il-ħtiġijiet tal-uffiċjali tal-pulizija u tal-komunità. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, Byron Camilleri flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà żaru l-għassa, li huwa parti minn sensiela ta’ proġett ta’ rinovar tal-għases f’Malta b’investiment ta’ €700,000. 

Camilleri saħaq li dan hu proġett ta’ tisħiħ fis-sigurtà fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin; “B’dan il-mod bħala gvern qed nibqgħu nsaħħu dan is-servizz importanti ħafna għall-komunitajiet tagħna, mhux biss f’Wied il-Għajn, iżda anke f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fejn qed inniedu dawn it-tip ta’ investimenti diretti fis-sigurtà tal-komunità.”

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li din l-għassa hija parti minn pjan ħolistiku sabiex tiżdied il-motivazzjoni tal-impjegati u jiġu pprovduti l-aqwa servizzi professjonali liċ-ċittadini.

Preżenti għall-inawgurazzjoni uffiċjali kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Marsaskala, Mario Calleja, li filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon il-binja tal-għassa nnifisha, faħħar ix-xogħol li qed jagħmlu l-pulizija fil-lokalità ta’ Marsaskala, fosthom tad-distrett u l-pulizija tal-komunità, b’mod partikolari fix-xhur tas-sajf meta l-popolazzjoni ta’ din il-lokalità tiżdied drastikament.

More in Socjali