Ħames snin ħabs għal min jitlob test tal-verġinità

Jekk xi ħadd jinqabad jitlob għall-test tal-verġinità lil tfajla jew mara jista’ jiġi kkundannat sa ħames snin ħabs; Rebecca Buttigieg sostniet li għalkemm f’Malta m’hemm l-ebda evidenza li dan qed jintalab, il-Gvern għandu jiżgura li qatt ma jseħħ 

Il-Parlament beda t-tieni qari tiegħu ta’ Abbozz ta’ Liġi li jipprojbixxi l-ittestjar tal-verġinità f’Malta.

Jekk xi ħadd jinqabad jitlob għall-test tal-verġinità lil tfajla jew mara jista’ jiġi kkundannat sa ħames snin ħabs, skont l-emendi mressqa għal kodiċi kriminali. 

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg sostniet fil-parlament li għalkemm f’Malta m’hemm l-ebda evidenza li dan it-test qed jintalab, il-Gvern għandu jiżgura li qatt ma jseħħ fil-futur. 
It-test tal-verġinità huwa eżami li jsir lil tfajla jew mara sabiex jiddetermina jekk din kellhiex rapport sesswali.

Din hija prattika meqjusa bħala waħda kontroversjali li ġeneralment titwettaq f’ċertu kulturi li jirrikjedu ‘evidenza’ li l-għarusa hija verġni qabel iż-żwieġ fost każijiet oħra. 

Buttigieg qalet li fl-Indoneżja, dan it-test jintalab bħala rekwiżit biex mara tkun tista’ tingħaqad mal-pulizija jew l-forza militari. 

Buttigieg kompliet tgħid li ftit li xejn hemm informazzjoni u riċerka dwar jekk sarux testijiet tal-verġinità f’Malta.

Buttiġieġ sostniet li dan it-test ma jissemmix fil-liġi ta’ Malta. 

More in Socjali