Miżjud l-ammont ta’ salarju jew paga mhux sekwestrabbli

  Regolament ġdid jistabbilixxi €1,233.00 fix-xahar bħala dħul protett fuq ordnijiet ta' sekwestru

Il-Ministru għall-Ġustizzja permezz tas-setgħat provduti f’artikolu 382 tal-kodiċi ta’ organizzazzjoni u proċedura ċivili, stabilixxa l-ammont ta’ elf mitejn u tlieta u tletin ewro (€1233.00) kull xahar bħala l-ammont ta’ salarju jew paga mhux sekwestrabbli.

Fi stqarrija stampa, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard qal li “l-ammont ta’ salarju jew paga mhux sekwestrabbli qatt ma ġie rivedut mill-1995.” 

Dan ifisser li fl-1995, Lm300 (€698.81) fix-xahar kien l-ammont li fuqu ddeċieda l-Parlament - ammont akbar mill-paga minima ta’ dak iż-żmien. 

Attard saħaq li sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tal-kredituri u tad-debituri, ġiet applikata r-rata tal-inflazzjoni fuq l-ammont li kien oriġinarjament stabilit 28 sena ilu. 

Il-Ministru Attard qal li din ir-reviżjoni hija msejsa fuq neċessitajiet soċjali għaliex l-ammont stabilit fl-1995 mhux qiegħed joffri ħajja diċenti, tant li l-ammont mhux sekwestrabli huwa saħansitra anqas mill-paga minima. 

Il-kalkolu matematiku sar fuq data uffiċjali maħruġa annwalment mill-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali u l-Bank Ċentrali, fejn ġie stabilit li bl-inkriment tal-ħajja ser ikun jammonta għall-€1233. 

Il-ħruġ ta’ mandat ta’ sekwestru jkun jgħodd fuq il-parti li teċċedi dan l-ammont, hekk kif rivedut.

L-Avviż legali 302 tal-2023 jistabilixxi li din l-ordni ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.

More in Socjali