Malta bl-ogħla rata ta' obeżità fl-Ewropa

Skont ir-'Rapport dwar l-Obeżità Reġjonali Ewropea 2022' tal-WHO, 64.8% tal-popolazzjoni adulta Maltija tbati minn piż żejjed

Malta sabet ruħha minn ta’ quddiem f’battalja kontra l-piż hekk kif aktar minn 50% tal-adulti fl-Unjoni Ewropea huma obeżi. 

Skont ir-'Rapport dwar l-Obeżità Reġjonali Ewropea 2022' tal-WHO, 64.8% tal-popolazzjoni adulta f’Malta hija obeża u taqa’ fil-kategorija ta’ piż żejjed.

It-tieni post hemm il-Kroazja, b'punt perċentwali ta' differenza (64.7%).

F’Malta, 33.6% tal-adulti jżommu piż normali, u 1.6% għandhom piż baxx, filwaqt li iktar minn 64% huma obeżi. Kull żewġ persuni minn tlieta huma kkunsidrati obeżi. Filwaqt li persuna minn kull sitta fl-Unjoni Ewropea hija meqjusa obeża. 

Barraminnhekk, skont l-istatistika fl-2019, Malta rreġistrat l-ogħla rata ta’ irġiel obeżi (30.6%) fil-pajjiżi kollha Ewropej, mentri li r-rata tan-nisa kienet fost il-baxxi (26.7%). 

Il-pajjiżi li rreġistraw l-inqas rata ta’ obeżità fl-Unjoni Ewropea kienu l–Italja (45.7%), Franza (47.2%) u Lussemburgu (48.4%).

Skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-piż żejjed u l-obeżità kollettivament inaqqsu kważi tliet snin mill-għomor ta' bniedem. 

More in Socjali