B’244 attentat ta’ suwiċidju, l-2020 kienet l-ogħla rata qatt irreġistrata

It-Tnejn, waqt il-mistoqsijiet parlamentari, inħarġet statistika mill-Ministru tas-Saħħa li turi kemm-il attentat ta’ suwiċidju seħħ bejn l-2018 u Lulju tal-2023 

L-ogħla numru ta’ attentati ta’ suwiċidji rrekordjati f’temp ta’ ħames snin kien fl-2020, b’total ta’ 244 hekk kif inħareġ waqt seduta parlamentari din il-ġimgħa.  

L-istatistika kienet imqassma bejn l-etajiet differenti u skont il-ġeneri. Fil-fatt, l-ogħla numru rrekordjat ta’ attentati ta’ suwiċidji kien fost il-ġeneru maskili fl-2020, b’total ta’ 115-il attentat. 

Fil-kategorija tal-irġiel huwa indikat li l-ogħla numru ta’ attentati jaqa’ taħt il-kategorija ta’ dawk bejn il-25 sena u l-44 sena. Taħt il-ġeneru femminili, fl-2020 ġew irrekordjati total ta’ 76 attentati ta’ suwiċidji fost nisa li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ 25 sena jew inqas fl-età.  

L-inqas rata kienet l-2019 fejn seħħu total ta’ 199 attentat, filwaqt li minn Jannar sa Lulju ta’ din is-sena (2023) seħħu 76 attentat. Fl-2023 l-ogħla rata li ġiet irrekordjata s’issa kienet fost in-nisa, b’total ta’ 48 attentat f’temp ta’ seba’ xhur. 

L-istatistika kif ippreżentata mill-Ministru tas-Saħħa, żvelat li f’temp ta’ ħames snin, perjodu li jkopri mill-2018 sa Lulju 2023, seħħew total ta’ 1,077 attentat b’kollox f’Malta. 

More in Socjali