Ebda spazju għal TM biex tissekwestra karrijiet abbandunati fit-triq

Transport Malta issekwestrat 535 vettura, madankollu ma tistax tagħmel l-istess mal-karrijiet minħabba ‘limitazzjonijiet ta’ spazju’. 

Transport Malta ma tistax tirmonka karrijiet ipparkjati illegalment għax m’għandhiex spazju fejn tagħmilhom, l-awtorità kkonfermat mal-ILLUM. 

Huwa illegali li karru li mhux qed jintuża jitħalla pparkjat fi triq pubblika. Skont il-liġi: 

“Ebda persuna ma għandha twaqqaf, sew temporanjament jew xort’oħra u tħalli waħdu jew tipparkja ... karrella jew xi vettura kummerċjali mill-kbar ... mgħobbija b’container jew tħalli xi container f’xi triq, bitħa, area jew spazju fil-beraħ, sakemm ma jkunx ġo post awtorizzat għall-ipparkjar jew ġo post awtorizzat għall-ħażna ta’ containers”.  

Meta mistoqsi dwar il-ħidma tal-awtorità fil-konfront ta’ vetturi u karrijiet abbandunati fit-triq, uffiċjal minn Transport Malta qal; “Minħabba limitazzjonijiet ta' spazju, mhux qed jiġu sekwestrati karrijiet.”  

Filwaqt li hemm nuqqas ta’ spazju għal-karrijiet, f’każ ta’ vetturi abbandunati, dawn jiġu ssekwestrati u rmonkati.  

“Meta vettura tinsab ipparkjata illegalment, l-uffiċjali ta’ Transport Malta joħorġu kontravenzjoni. Vettura tkun suġġetta għal tneħħija u għal multa jekk tkun ipparkjat fuq Tow Zone jew ikollha l-liċenzja skaduta bi 30 jum jew aktar,” sostna l-kelliem tal-awtorità. 

Sa mill-bidu tas-sena, 535 vetturi ġew sekwestrati wara li ġew irrappurtati 175 każ ta’ vetturi sabiex jiġu ssekwestrati; 109 mill-Pulizija, 64 mill-Kunsilli Lokali u 2 mil-LESA, iżda ma speċifikawx id-daqs tal-vetturi u jekk dan in-numru jinkludix ukoll karrijiet. 

More in Socjali