Il-GWU temmen li bidla legali radikali hi bżonnjuża

Il-General Workers’ Union (GWU) tilqa’ u temmen li din il-bidla legali radikali fil-liġijiet għall-impjiegi temporanji u l-aġenziji ta’ reklutaġġ hi bżonnjuża u se tkun qed trażżan l-isfruttament tal-ħaddiema  

Fi stqarrija, il-General Workers’ Union (GWU) saħqet li tilqa’ l-bidla legali radikali fil-liġijiet għall-impjiegi temporanji u l-aġenziji ta’ reklutaġġ (temping agencies) li se tidħol fis-seħħ fl-2024, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kamra tad-Deputati. 

Il-liġi tgħid li l-aġenziji tax-xogħol kemm dawk tal-kuntrattur, kif ukoll dawk magħrufin aħjar bħala Temping Agencies għandhom bżonn liċenzja biex joperaw. 

Din il-liġi ġdida tesiġi li persuna jista’ jkollha liċenzja waħda biss, speċifikament, jew għal reklutaġġ ta’ persuni għall-impjieg f’Malta jew barra minn Malta; jew sabiex tkun ta’ aġenzija ta’ xogħol temporanju jew ta’ aġenzija tal-outsourcing.

Il-GWU stqarret li :Minn Jannar ħadd ma jista’ jaqbad u jġib il-ħaddiema u joffri servizzi ta’ temping/outsourcing.” Filwaqt li kull aġenzija jrid ikollha persuna Maltija jew Ewropea b’esperjenza f’riżorsi umani.   

Barraminnhekk, biex tinħareġ liċenzja ta’ operazzjoni għall-aġenzija tal-impjieg jew negozju tal-impjieg daħlu diversi kriterji biex inkunu ċerti li kull persuna applikanta tikkwalifika. 

Il-GWU qalet li bir-regolamenti l-ġodda, l-awtoritajiet ikollhom viżibiltà ta’ dawn l-operaturi kollha fis-settur; jassiguraw li jiġu l-ħaddiema meħtieġa u jiġi evitat l-abbuż fuq il-ħaddiema.

Aktar minn hekk, il-kumpaniji li ma jkollhomx jew jitilfu din il-liċenzja jiġu skwalifikati minn kuntratti pubbliċi u ma jkunux jistgħu jġibu ħaddiema minn pajjiżi terzi.  

“Nittamaw li permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni ġdida l-isfruttament fuq il-ħaddiema, speċjalment fuq il-ħaddiema barranin, jispiċċa. Aħna għandna bżonn il-ħaddiema barranin, li qed jgħinu fit-tkabbir ekonomiku iżda ħadd ma għandu jieħu vantaġġ mis-sistema u minn dawn il-ħaddiema,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. 

Bugeja tenna li bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni fejn ħaddiema migranti jispiċċaw f’ċirku ta’ abbużi, li sfortunatament anke ħaddiema Maltin qed ikunu mħaddmin minn aġenziji minflok minn kumpanija diretta.

Bugeja qal li jrid ikun hemm livell ugwali għall-operaturi f’dan is-settur, u li wasal żmien li jingħata l-istess ħlas għal xogħol tal-istess valur “jekk verament inridu naraw il-ħaddiem jimxi ‘l quddiem.”

Il-GWU temmen li b’moniteraġġ kontinwu se jitjiebu l-kundizzjonijiet ta-xogħol tal-ħaddiema, filwaqt li f’każ ta’ ħaddiema barranin, f’pajjiżna jiġu biss dawk il-ħaddiema li huma meħtieġa.

Dan se jwassal għal iżjed kontroll u viżibilità fuq liema ħaddiema jiġu u wkoll f’liema setturi se jkunu qed jaħdmu. 

More in Socjali