Jitnieda sit elettroniku ġdid tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Propjetà

Permezz ta’ dan is-sit, il-konsumaturi jistgħu faċilment jivverifikaw jekk min qed ibigħilhom il-propjetà għandux liċenzja skont il-liġi, kif ukoll tingħata informazzjoni għal min jixtieq japplika biex jaħdem bħala aġent tal-propjetà, sensar tal-propjetà, maniġer ta’ fergħa jew konsulent tal-propjetà

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi nieda s-sit elettroniku ġdid tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Propjetà (Real Estate Licensing Board). 

Permezz ta’ dan is-sit, il-konsumaturi jistgħu faċilment jivverifikaw jekk min qed ibigħilhom il-propjetà għandux liċenzja skont il-liġi.

Azzopardi spjega wkoll li s-sit joffri informazzjoni għal min jixtieq japplika biex jaħdem bħala aġent tal-propjetà, sensar tal-propjetà, maniġer ta’ fergħa jew konsulent tal-propjetà, fost oħrajn.  

Huwa qal li ġew approvati kważi 1,400 liċenzja; f’150 aġent tal-propjetà, 104 maniġers tal-fergħa, 880 konsulenti tal-propjetà u 229 sensara tal-propjetà. Dan filwaqt li n-numru ta’ kumpaniji tal-propjetà li jintermedjaw fil-propjetà jammonta għal 141.  

Permezz ta’ dan is-sit elettroniku l-liċenzja ser tkun suġġetta għal skrutinju aktar rigoruż u dan se jkun kumplimentat minn qafas legali aktar ċar u mifhum li se jirregola u jinforza s-settur.  

“In-numru ta’ liċenzji jindika li l-attività f’din l-industrija mhix żgħira u għalhekk dan huwa pass ieħor biex tkompli tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni f’dan is-settur,” temm  jgħid Azzopardi. 

Min-naħa tiegħu, Joseph Deguara, il-Kap tal-Unit tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Propjetà, rrimarka kif dan is-sit elettroniku l-ġdid qed jagħmilha iktar faċli għall-intermedjarji tal-proprjetà biex jaċċessaw l-applikazzjonijiet u kull informazzjoni oħra li għandhom bżonn.  

Is-sit elettroniku qed jintroduċi servizzi ġodda bħal sistema ġdida ta’ ilmenti, kif ukoll aċċess għar-reġistru ta’ intermedjaturi liċenzjati.   
Il-pubbliku ser ikun jista’ jaċċessa dan ir-reġistru billi jdaħħal in-numru tal-karta tal-identità tal-intermedjarji jew inkella n-numru tal-liċenzja kif maħruġ mill-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Propjetà. 

More in Socjali