PN: Il-Ministru Jonathan Attard għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jirriżenja

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li mill-ħatra ta’ Attard bħala Ministru għall-Ġustizzja, is-sistema marret lura u tinsab fi kriżi

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Ministru Jonathan Attard għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-kriżi li tinsab fiha s-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna billi jirriżenja minn Ministru.

Wara sentejn mill-ħatra tiegħu bħala Ministru, is-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna marret għall-agħar u tinsab f’kriżi saħaq il-PN.

Il-PN jgħid li hu żball kbir li l-Gvern jibqa’ jaħtar iktar Imħallfin u Maġistrati bħala soluzzjoni għall-problemi kbar, waħda minnhom id-dewmien eżaġerat fis-smigħ tal-kawżi. Kompla jsostni li dan huwa kollu għalxejn jekk ma hemmx ir-riżorsi meħtieġa dawn “ma jistgħux jagħmlu mirakli”.

Il-PN saħaq li l-Ministru għall-Finanzi għandu jirrevedi b’mod drastiku l-allokazzjoni finanzjarja għas-settur tal-Ġustizzja f’pajjiżna għas-sena 2024 biex ikun żgurat li kull Imħallef u Maġistrat ikollu impjegati biżejjed b’ħiliet u bl-esperjenza meħtieġa.

Dan għandu jwassal għal titjib fil-pagi tal-ħaddiema tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, li tibda tattira aktar persuni kompla jgħid il-PN. 

Fl-aħħarnett, il-PN jifraħ lit-tliet Imħallfin ġodda li taw il-ġurament tagħhom l-Erbgħa waqt ċerimonja mmexxija mill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt. 

More in Socjali