PN jippreżenta mozzjoni għat-tisħiħ tal-ġurnaliżmu u l-libertá tal-espressjoni

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi Kumitat Parlamentari Magħżul bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni mġedded dwar il-ġurnaliżmu  f'Malta u l-espressjoni ħielsa

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech nhar it-Tnejn ta avviż ta’ mozzjoni parlamentari biex jitwaqqaf il-kumitat. Il-Partit Nazzjonalista qal li dan irid ikun ippresedut mill-Ispeaker u stieden lill-Prim Ministru biex jiddiskuti u japprova mozzjoni favur il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna waqt is-seduta tal-Parlament ta’ illum.

Il-proposta hi li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jinnominaw tliet membri kull wieħed fil-kumitat sabiex jisimgħu l-opinjonijiet u suġġerimenti tas-soċjetá ċivili u tal-pubbliku. 

Il-PN qed jipproponi li l-kumitat ifassal rapport fi żmien tliet xhur minn meta l-gvern jippubblika White Paper li fiha l-Abbozzi ta’ Liġi maħsuba biex isaħħu l-ġurnaliżmu u l-libertà tal-kelma.

Grech kien akkumpanjat mid-Deputati tal-PN, Karol Aquilina, Claudette Buttigieg, Graham Bencini u Robert Cutajar. Il-mozzjoni ġiet ippreżentata fil-ġurnata li tfakkar is-sitt anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Grech ħeġġeġ lill-gvern biex jaċċetta l-proposta tal-PN għal kumitat magħżul parlamentari. Qal li l-Oppożizzjoni se tinnomina lil Aquilina, Buttigieg u Bencini biex ipoġġu fil-kumitat.

Aktar kmieni dan ix-xahar il-gvern wiegħed li joħroġ White Paper biex ikompli l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar diversi liġijiet maħsuba biex jipproteġu lill-ġurnalisti u jsaħħu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Il-wegħda saret fl-istess jum, il-Gvern ressaq fil-parlament it-tieni rapport miġbur mill-Kumitat tal-Esperti tal-Midja, li għamel suġġerimenti għal titjib lill-abbozzi ta’ liġijiet li kien ippreżenta l-Gvern is-sena li għaddiet.

Il-Kamra għandha quddiemha abbozzi ta’ liġijiet biex jemendaw diversi liġijiet, fosthom il-Kostituzzjoni, iżda dawn tqiesu bħala insuffiċjenti. Il-Prim Ministru ffriża l-proċess parlamentari u reġa’ ta l-kompitu lill-Kumitat tal-Esperti tal-Midja biex jerġa’ jiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-abbozzi ta’ liġijiet. It-tieni rapport ġie ppreżentat f'Lulju ta' din is-sena.

 

 

More in Socjali